Saturday, November 16, 2024

“Sa Mejju se nirkupraw mill-virus … Se nkunu l-ewwel pajjiż li jirkupra mill-COVID-19”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-PM Robert Abela beda l-indirizz politiku tiegħu billi qal kemm hu kburi bil-mod ta’ kif pajjiżna qed jikkontrolla din il-pandemija. 

Abela qal li filwaqt li pajjiżi oħrajn Ewropej jinsabu f’lockdowns, curfews, jew saħansitra fi stat ta’ emerġenza, pajjiżna kompli jnaqqas il-qgħad biex issa r-rata ta’ qgħad fil-pajjiż hija l-aktar waħda baxxa sa minn Marzu ’l hawn. F’botta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, il-PM qal li fil-Greċja biex tħalli darek trid tibgħat SMS lill-awtoritajiet.

Abela qal li hu jinsab kburi li xahar ieħor se tibda t-triq lejn normalità sħiħa u dan kollu bis-saħħa ta’ dawk li kkoperaw u ħasbu f’ħaddieħor, bħala poplu li ħsibna fl-aħna u mhux fil-jien.Għal Abela mewta waħda kienet tfisser ukoll sens ta’ niket, iżda kien hemm ħidma kontinwa biex is-saħħa tal-poplu ġiet fuq quddiem.

Filwaqt li qabbel lil pajjiżna ma’ karozza f’tellieqa, Abela fakkar li dan il-gvern ma nesiex lid-dilettanti tal-motorsports. Spjega li pajjiżna ra li jkun minn tal-ewwel biex ikollu l-vaċċin u biżżejjed dożi għall-popolazzjoni kollha.

Abela qal li meta tiġi ġurnata li fiha jkollna rata għolja ta’ infezzjonijiet ikollok min jogħrok idejk, iżda meta jkun hemm rata ta’ infezzjonijiet ferm aktar baxxa mill-fejqan, ikun hawn is-skiet. F’mument li sippost qed ngħixu f’għaqda nazzjonali, il-Partit Laburista qed jgħaddi messaġġi ta’ kuraġġ u l-Oppożizzjoni qiegħda tbeżża’ li pajjiżna mhux se jkollu biżżejjed dożi biex jitlaqqam kulħadd. Għal dan il-Prim Ministru wiegħed li sa ġurnata wara li jasal f’pajjiżna l-vaċċin, se jkun qiegħed jibda l-proċess ta’ tilqim.

Rigward is-sidien tal-bars, Abela qal li jinsab ferm iddispjaċut minħabba dak li għaddejjin minnu. Fi żjara fl-Isptar Mater Dei, il-professjonisti għaddew il-messaġġ li qed ilaħħqu, iżda majifilħux għal żieda fil-każi. Rigward is-sidien tal-bars, Abela wiegħed li dan il-gvern se jwieżen lis-sidien tal-bars u l-każini. Għalhekk il-gvern se jkun qiegħed jara li dawk il-bars u każini li fetħu wara Marzu, u għalhekk ma kinux qed jieħdu l-wage supplement, iżda kellhom jagħlqu mill-ġdid f’Novembru, se jkunu qed jingħataw il-wage suppliment minn Novembru. Dan ifisser li dan il-gvern se jkun qiegħed iżomm il-kelma tiegħu li jgħin u saħansitra se jagħti l-Covid Wage Suppliment b’lura biex jgħin lil dawn is-sidien jegħlbu l-isfidi tagħhom.

Dwar l-immigrazzjoni, Abela qal li r-riżultati jitkellmu waħidhom. Minn dakinhar li dan il-gvern mar lejn il-Libja, pajjiżna rnexxielu jrażżan il-wasliet tal-immigranti. F’Jannar u Frar kien hemm xahrejn rekord ta’ influss ta’ immigranti u għalhekk f’nofs pandemija dan il-gvern kien kapaċi jiddikjara li ma jiflaħx aktar.

Il-PM saħaq li li kieku ma kinitx dik il-ħidma fil-Libja “Dan is-sajf konna nfuru bl-immigranti”. Minflok, l-influss trażżan u grazzi għal ħidma mill-Ministru Byron Camilleri, fl-aħħar jiem, grupp ieħor ta’ immigranti ġie rilokat.

Abela qal fi żmien ħames ġimgħat se jasal il-mument li tant ilna nitolbu għalih. Il-PM qal li f’Jannar mhux se nkunu kapaċi nneħħu r-restrizzjonijiet kollha, iżda sa Marzu l-ekonomija se tkun irpiljat sew u sa Mejju se nkunu rkuprajna mill-pandemija.

Il-Prim Ministru wiegħed li se nkunu l-ewwel pajjiż li nirkupraw mill-virus.

Aktar kmieni: L-attività politika tal-PL se ssir fiċ-ĊNL minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp

L-attività Politika tal-Partit Laburista se tkun qiegħda ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista minflok kif pjanat. Il-Prim Ministru Robert Abela kien mistenni jagħmel l-indirizz politiku tiegħu mis-Siġġiewi iżda fl-aħħar ħin ġie deċiż li l-attività tixxandar għall-ħabta tal-11:00 a.m miċ-ĊNL minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp.

Ekonomija

Sport