Saturday, December 21, 2024

Sa nhar it-Tnejn tkun tlaqqmet 2.57% tal-popolazzjoni

Aqra wkoll

Sal-15 ta’ Jannar li għadda kien hemm 9,496 persuna li kienu ħadu t-tilqima kontra l-Covid-19. Qalet dan is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna.

Hija qalet li sat-28 ta’ Diċembru n-numru tal-vaċċini amministrati kien jammonta għal 130, b’dan jitla’ għal 1,940 sal-4 ta’ Jannar. Fl-istess waqt qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu qed jipprovdu n-numru ta’ vaċċini amministrati kuljum, mill-ġimgħa li ġejja.

Il-Professur Gauci qalet li l-awtoritajiet issa mistennijin li jkunu amministraw 13,200 doża sa nhar it-Tnejn li ġej, biex il-perċentwal tal-popolazzjoni mlaqqma kontra l-Covid-19 tkun tammonta għal 2.57%.

Hija tenniet li fil-preżent qed jitlaqqmu residenti fi djar tal-anzjani filwaqt li dawk li għandhom ’il fuq minn 85 sena u li jgħixu fil-komunità bdew jiġu mlaqqma mill-bieraħ. Żiedet tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa qed iżommu nofs kull kunsinja ta’ vaċċini li tasal biex b’hekk ikun żgurat li dawk li ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin tingħatalhom ukoll it-tieni doża.

Intant hija qalet li anzjana ta’ 89 sena mietet fl-Isptar Mater Dei aktar kmieni llum kaġun tal-Covid-19. Il-Prof. Gauci qalet li attwalment hemm 16-il pazjent li qed jirċievu kura intensiva, b’35 pazjent oħrajn fl-Isptar Mater Dei, b’sebgħa fl-Infectious Diseases Unit.

Qalet li n-numru ta’ każi ġodda reġistrati żdied matul din l-aħħar ġimgħa meta pparagunat man-numru ta’ każi ġodda rapportati l-ġimgħa ta’ qabel. Saħqet li l-medja għal dawn l-aħħar sebat ijiem kienet ta’ 186 każ kuljum.

Fir-rigward tal-vittmi tal-Covid-19, il-Prof Gauci qalet li matul din il-ġimgħa mietu sitt pazjenti. Il-biċċa l-kbira tal-vittmi għandhom bejn 75 sena u 84 sena.

Ekonomija

Sport