Sunday, November 17, 2024

Sa Novembru li ġej il-popolazzjoni globali se tkun ta’ tmien biljun persuna

Aqra wkoll

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li sal-15 ta’ Novembru li ġej, il-popolazzjoni globali se tkun qiegħda għall-ewwel darba tilħaq iċ-ċifra ta’ tmien biljuni. Apparti hekk, qiegħed ikun previst li sal-2023, l-Indja se tkun qiegħda tieħu post iċ-Ċina bħala l-iktar pajjiż popolat fid-dinja. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres qal li dan kollu għandu jġibna konxji tar-responsabbiltà tagħna lkoll li nieħdu ħsieb il-pjaneta tagħna. Huwa żied jgħid li, “din hija okkażjoni fejn għandna niċċelebraw id-diversità, nirrikonoxxu l-umanità komuni li għandna bejnietna kif ukoll niċċelebraw l-avvanzi kbar fil-qasam tas-saħħa li qed iwasslu biex il-bniedem jgħix iktar u tnaqqset ħafna l-mortalità tat-tfal.”

Id-Dipartiment għall-Eko­nomija u Affarijiet Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-popolazzjoni globali qiegħda tesperjenza l-inqas tkabbar mill-1950 ’il hawn. Huma qed jipprevedu li sas-sena 2030 il-popolazzjoni tkun żdiedet għal 8.5 biljun u sal-2050 tkun ta’ 9.7 biljun. L-esperti żiedu jgħidu li ħafna pajjiżi qed jesperjenzaw tnaqqis fl-ammont ta’ trabi li jitwieldu kull sena, u għalhekk huwa previst li t-tkabbar se jkun l-iktar ikkonċentrat fi tmien pajjiż partikolari. Dawn huma r-Re­pubblika Demokratika tal-Kongo, l-Eġittu, l-Etjopja, l-Indja, in-Niġerja, il-Pakistan, il-Filippini u t-Tanzania.

Ekonomija

Sport