Thursday, February 6, 2025

Sa Ottubru l-ARUC u l-Università ta’ Malta ser ikollhom riċerka dwar il-kannabis

Aqra wkoll

L-Awtorità Responsabbli għall-Użu tal-Kannabis (ARUC) u l-Università ta’ Malta ffirmaw ftehim li ser iwassal għal kollaborazzjoni effettiva f’diversi oqsma speċjalment fir-riċerka u l-ittestjar tal-kannabis.

L-ARUC u l-Università qegħdin jimpenjaw ruħhom li sa Ottubru li ġej isir studju analitiku mid-Dipartiment tal-Kimika fl-Università dwar sustanzi u pestiċidi li jistgħu jinstabu kemm fil-kannabis imkabbra legalment mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati kif ukoll fil-kannabis illegali li tkun qiegħda fil-pussess tal-Qorti bħala parti mill-proċess ġudizzjarju.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li din ir-riċerka b’mod xjentifiku għandha turi kif ivarjaw il-perikli tal-kannabis bejn dik mibjugħa fuq l-idejn u l-kannabis imxettla legalment taħt kontrolli stretti mill-ARUC u mill-Harm Reductions Associations li huma liċenzjati mill-Awtorità.

Hija stqarret is-sodisfazzjon tagħha li ġie miftiehem qafas ta’ koperazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-ARUC li jallinja mal-iskopijiet tal-liġi li biha waqt li l-kannabis kienet u għadha illegali, l-użu tagħha b’mod kontrollat qiegħda titnaqqas kemm jista’ jkun il-ħsara li l-kannabis tagħmel lis-saħħa.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, saħaq li dan il-ftehim huwa wieħed importanti, għaliex dan is-settur irid jiġi servut b’mod sigur. Ir-Rettur żied jgħid li l-Università għandha diversi riżorsi, u għalhekk huwa importanti li dawn ir-riżorsi jkomplu jintużaw għall-ġid tas-soċjetà, fosthom sabiex il-kannabis li qed ifornu l-Assoċjazzjonijiet, bis-sorveljanza stretta tal-ARUC, ikollha prodott ta’ livell għoli.

Iċ-Chairperson tal-ARUC Joey Reno Vella, qal li b’riżultat ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità għall-użu Responsabbli tal-Kannabis ser tkun f’pożizzjoni aħjar biex anke isaħħaħ il-koperazzjoni tagħha mal-Aġenzija Sedqa fil-kampanji ta’ għarfien kontra l-abbuż tad-droga u biex tkompli isaħħaħ il-qafas regolatorju  għall-assoċjazzjonijiet liċenzjati minnha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport