Wara li l-attakkant ta’ Liverpool, Sadio Mane, qabel il-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid sostna li se jħabbar il-futur tiegħu il-Ħadd, bosta kienu r-rapporti li aċċennaw li se jingħaqad ma’ Bayern Munich.
Peró, il-Ħadd ma ħarġet l-ebda aħbar uffiċjali jekk is-Senegaliż huwiex se jħalli lir-Reds …. u sadanittant ħarġet ukoll l-aħbar (mhux uffiċjali) li Liverpool qed ifittxu s-suċċessur tiegħu.
Sadanittant, kulħadd jaf li saret il-parata fit-toroq ta’ Liverpool minkejja d-diżappunt tat-telfa tal-finali tal-UEFA Champions League, bl-iskor ta’ 1-0.
Għas-sorpriża ta’ kulħadd għal din il-parata attendew aktar minn 800,000 ruħ li laħqet il-qofol tagħha fiċ-ċentru tal-belt.
Il-players, inkluż il-manager Jurgen Klopp, baqgħu mbellħin b’din il-merħba li ngħataw fejn ħafna minnhom dehru wkoll kommossi.
It-Tnejn filgħodu, fuq Twitter, Mane kiteb:
“Grazzi mill-qalb. M’inix se nħalli lill-club. Għandna d-dejn mal-partitarji. Se nibqa’ … u se nagħmel ħilti kollha biex is-sena d-dieħla nirbħu l-UEFA Champions League. Irrid niġi lura aktar b’saħħti biex flimkien ma’ sħabi nirregalaw dan l-unur lill-partitarji. Issa naf x’jiġifieri li tkun partitarju ta’ Liverpool. Aħna l-players apprezzajna ferm din il-merħba. Bla dubju, dan il-club huwa l-aqwa fid-dinja.”