Friday, May 16, 2025

Sagrifiċċju, umiltá u dedikazzjoni … tliet ingredjenti ewlenin sabiex wieħed jeċċella f’kull tip ta’ karriera – Edward Falzon

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-ġibda tiegħi lejn il-futbol tista’ tgħid li bdiet minn ta’ etá pjuttost żgħira.  Minn meta kont għadni tifel kont issibni nilgħab fuq il-bejt t’ommi jew ma’ xi ħbieb li kienu jgħixu fit-triq tiegħi. Dejjem kont issibni b’xi ballun u meta għalaqt tmien snin ingħaqadt ma’ Floriana FC, raħal twelidi.  Bħal kull tifel minn dejjem kelli xewqa li nilgħab għall-klabb għal kemm jista’ jkun żmien, u għalkemm dan it tragward ma ntlaħaqx xorta kuntent li għamilt id-debutt tiegħi fil-Malta Premier proprju fil-ġimgħa tal-festa.

Wara d-debutt tiegħi, ħadt deċiżjoni li nsiefer barra l-pajjiż biex inkompli nistudja fuq sport fejn għamilt erba’ snin fir-Renju Unit u kien minn hemm li bdejt niżviluppa interess u passjoni lejn kif plejers u atleti għandhom jieħdu ħsieb lilhom infushom mil-lat fiżiku u mentali.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ta’ kowċing fl-Iżvezja.

L-esperjenza preżenti tiegħi fl-Iżvezja tista’ tgħid bdiet ftit tal-ġimgħat ilu fejn ninsab direttament involut fl-akkademja ta’ Mjaellby AIF fid-dipartiment ta’ Strength & Conditioning and Holistic Performance.  Ir-rwol tiegħi huwa dak li noħloq struttura ħolistika li tiffaċilita  l-iżvilupp fiżiku u mentali tal-plejers li tiġi riflessa f’titjib fil-wirjiet tal-plejers u tat-tim inġenerali.

Naturalment għalkemm ħafna affarijiet li qed nagħmel huma ġodda, qed insib struttura u sistema li tiffaċilita xogħoli u li jgħinuni niżviluppa kemm il-professjoni tiegħi, kif ukoll id- diversi tragwardi li nixtiequ nilħqu ġewwa l-akkademja.  Ħafna mix-xogħol huwa marbut fuq data u informazzjoni li niġbru tal-plejers kemm fit-taħriġ u anke f’partiti kompetittivi li jgħinuna nevalwaw plejers fuq bażi individwali kif ukoll l-istruttura tat-taħriġ innifsu.  Min hemm ikollna lok li niżviluppaw protokolli adattati a bażi individwali li l-plejers tagħna jkunu jistgħu jimxu fuqhom.

L-opportunitá li naħdem ma’ plejers t’etajiet differenti fl-akkademja hija waħda sabiħa ħafna għaliex tgħinek tadatta għall-personalitajiet u livelli differenti ta’ plejers.  Aspett ieħor importanti fix-xogħol tiegħi huwa l-fatt li għandi u jkolli iżjed opportunitá nsir naf plejers fuq bażi personali li ħafna drabi tgħin biex ittejjeb ir-relazzjoni u d-dinamika fit-taħriġ.  Naturalment hija avventura bl-isfidi tagħha wkoll.  Kulturá, lingwa kif ukoll il-mod kif jaħdmu huma ftit mill-affarijiet li trid tidra biex tkun tista’ tadatta kemm jista’ jkun malajr.  L-Iżvediżi jaħdmu b’mod strutturat ħafna u personalment naħseb li hija xi ħaġa pożittiva ħafna għal dak li nixtieq nikseb u nwettaq fl-esperjenza tiegħi hawn.

Kemm hi differenti l-mentalità dwar l-isport fl-Iżvezja minn dik f’Malta?

Nista’ ngħid li fejn tidħol imħabba lejn l-isport ftit li xejn hemm differenza.  F’Malta ssib li għandna ħafna passjoni lejn l-isport b’ħafna tfal u atleti żgħażagħ jipparteċipaw f’dixxiplini differenti.  Peró, bħalma jaf kulħadd l-isport għadu mhuwiex meqjus fuq l-istess skala tal-iskola.  Jew inkella għadna ma krejajniex sistema li tikkombina l-edukazzjoni mal-isport.  Mingħajr ma niġi interpretat bħala wisq kritiku, l-akbar differenza ddur fuq fejn tidħol dixxiplina u struttura tal-isport fejn tingħata importanza kbira fuq l-iżvilupp mhux tal-plejer biss, peró tal individwu wkoll.  Infatti l-klabbs kollha professjonali fl-Iżvezja jaħdmu id f’id mal-iskejjel sabiex joħolqu programmi akkademici ideali sabiex jikkumplimentaw l-isport tagħhom.  Fi ftit ġimgħat li ili hawn id-differenza bejn klabb professjonali għal dak ejja ngħidu Malti ħassejtha mill-ewwel għaliex hawnhekk tqum u torqod fil-futbol, mentri Malta tmur il-klabb wara li tkun għamilt ġurnata taħdem f’uffiċju ieħor.  Kif dejjem ngħidu, diffiċli tikkumpara pajjiż bħal tagħna ma’ pajjiż bħall-Iżvezja li għandhom ir-riżorsi u l-faċilitajiet kollha meħtieġa sabiex joperaw bl-aktar mod effiċjenti kemm jistgħu.

U rigward ir-riżorsi li titħarrġu fihom. X’tikkummenta fuqhom?

Il-klabb qiegħed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun jista’ jikkompeti aktar fejn jidħlu għodda xjentifiċi neċessarji biex inkunu nistgħu naħdmu fuq aktar titjib. L-għan tal-klabb hu li joħloq ‘pathway’ ċara bil-għan li aktar plejers ġewwa l-akkademja jagħmluha fil-kampjonat ewlieni.  Għandna b’kollox sitt pitches li kważi kważi jissarrfu f’wieħed għal kull ‘age group’, li hija xi ħaġa vera tajba għaliex b’din il-faċilitá jkollok użu ta’ pitch sħiħ fit-taħriġ.

Naturalment l-akbar riżorsi huma l-kowċis. Il-pajjiż qed jinvesti ħafna fl-edukazzjoni tal-kowċis fil-grassroots u din hija kruċjali ħafna mhux biss fejn jidħol l-iżvilupp tal-plejer, peró iktar importanti huwa li jinżammu kemm jista’ jkun plejers attivi fil-futbol u ma jabbandunawx l-isport.

Personalment, waħda mill-problemi kbar li teżisti fil-futbol Malti hija n-numru kbir ta’ klabbs u nurseries li jeżistu, fejn awtomatikament toħloq limitazzjonijiet kbar fuq kif kwalitá ta’ kowċis jinfirxu mal-klabbs.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad nerġgħu narawk tikkowċja f’Malta?

Naturalment iva. Qiegħed hawn għal staġun wieħed jiġifieri wieħed irid jara x’hemm għalija wara fi tmiem din l-avventura.  Kuntent ħafna bl-esperjenza s’issa u ninkoraġġixxi iżjed kowċis u atleti imorru għal esperjenzi simili għaliex ċertament huma esperjenzi li jkabbruk u jgħallmuk f’diversi aspetti tal-hajja.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Sagrifiċċju, umiltá u dedikazzjoni f’dak li tagħmel huma tlieta mill-ftit affarijiet li huma neċessarji sabiex wieħed jeċċella f’kull tip ta’ karriera. Li tibni karriera ta’ suċċess fil-futbol Malti mhijiex faċli għal diversi raġunijiet, għalhekk li wieħed jibqa’ serju, dixxiplinat u ffukat fuq l-objettivi tiegħu huma importanti ħafna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport