Fid-Dokument ta’ qabel il-Budget 2026 naraw impenn mill-Gvern biex iżomm sistema tas-saħħa robusta li tersaq dejjem viċin il-pazjent u tal-kura tal-anzjani b’saħħitha fil-komunità u djar residenzjali. Dan filwaqt li jippromwovi anzjanità attiva u kwalità ta’ ħajja aħjar. Fl-2022, l-infiq fuq is-saħħa f’pajjiżna laħaq €966.1 miljun bi flus allokati għall-mediċini, servizzi ġodda, teknoloġija moderna u investimenti infrastrutturali. Is-sena l-oħra din in-nefqa telgħet għal somma rekord ta’ €1.5 biljun allokati għas-saħħa u l-anzjanità attiva.
Il-Kura Primarja f’Malta u Għawdex kompliet tespandi s-servizzi tagħha. Matul dawn l-aħħar snin ġew stabbiliti diversi kliniċi ġodda fi sħubija mal-Isptar Mater Dei fosthom b’numru ta’ kliniċi tan-newroloġija, ortopedija, kardjoloġija u oftalmoloġija.
Illum għandna 29 klinika komunitarja madwar Malta u Għawdex li joffru servizzi mediċi, servizz ta’ tabib u wkoll kura speċjalizzata bħal dik għad-dijabete u saħħa mentali. Fl-aħħar snin il-Gvern ħadem biex jimmodernizza s-servizzi mogħtija. Għalhekk ġew rinnovati numru ta’ Ċentri tas-Saħħa f’Malta u f’Għawdex kif ukoll rajna transizzjoni tas-servizzi taċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid jimxu fil-Hub Ċensu Moran.
Il-provvista ta’ mediċini b’xejn tibqa’ prijorità ewlenija. Fl-2024, il-lista tal-mediċini ġiet estiża biex tinkludi trattamenti għal diversi kundizzjonijiet serji bħal fibrożi pulmonari, disturbi psikjatriċi, sklerożi multipla u tipi differenti ta’ kanċer. Ġie wkoll introdott rifużjoni għall-mediċini tal-IVF kemm fl-Isptar Mater Dei, kif ukoll f’kliniki privati.
Infteħu wkoll numru ta’ swali ġodda kif ukoll sar rinnovar f’uħud minnhom. Fosthom li Stroke Ward għal pazjenti bi problemi tal-kardjoloġija, Early pregnancy unit għal dawk l-ommijiet li jkollhom korriment u rinnovar tal-klinika tal-IVF f’Mater Dei. Inbdiet is-sistema tal-1400. Sistema li permezz ta’ telefonata ma’ professjonisti, tgħin pazjenti jiġu gwidati fejn l-aħjar jingħataw il-kura meħtieġa, fl-inqas ħin possibli u viċin ta’ darhom.
Fejn tidħol kura ta’ saħħa mentali se jkompli l-investiment biex mhux biss il-pazjenti jkunu mgħejjuna f’mumenti ta’ sfida, imma wkoll b’investiment fil-prevenzjoni. Aħna nemmnu li biex verament inkomplu innaqsu l-istigma, il-kura ta’ saħħa mentali għandha titqis bħal kura ta’ saħħa ġenerali. Għal dan il-għan għaddej il-proċess biex tinbena sala akuta tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei. Fil-komunità se jkompli għaddej it-tkabbir tas-servizzi ta’ kura fejn qed jiġu introdotti kliniki ta’ saħħa mentali fil-komunità. Il-prevenzjoni hija kruċjali daqs il-kura. Għalhekk, b’investiment ta’ €4.5 miljun flimkien mal-Kunsilli Lokali, il-Gvern qiegħed joffri Mental Health first Aid courses li jgħinu individwi li jkunu temmew dan it-taħriġ b’success jidentifikaw sintomi ta’ meta persuna madwarhom tkun għaddeja minn sfidi ta’ saħħa mentali.