Sunday, December 22, 2024

Sajf suċċess ieħor fis-sajd tal-Lampuki 

Aqra wkoll

L-aħħar statistika ppubblikata mill-Gvern juri li f’xahar, il-bejgħ qabeż is-€700,000 

L-aħħar indiċi ppubblikati mill-Gvern urew staġun bieżel u produttiv ħafna għall-industrija tas-sajd f’Malta. It-total ta’ lampuki maqbudin li ġew irreġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd bejn il-15 t’Awwissu u nofs ix-xahar ta’ Settembru, jaqbżu il-158 tunellata, b’valur approssimattiv ta’ madwar €705,562. 

Filwaqt li l-istaġun tal-lampuki mistenni jibqa għaddej sal-aħħar tas-sena, dawn l-ammonti rreġistrati jagħtu indikazzjonijiet pożittiv ferm għall-bqija tal-istaġun. Il-bastimenti tas-sajjieda tagħna għadhom mgħobbija bil-kannizzata, biċ-ċimi u bit-tagħmir differenti, ottimisti li x-xhur li ġejjin ser jibqgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-qligħ tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u l-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said, esprimiet s-sodisfazzjon tal-Gvern fuq dawn l-aħħar riżultati. Fl-istess ħin, hija tenniet li l-ħidma tal- Gvern biex tappoġġja lis-sajjieda Maltin, hija waħda kontinwa. “L-istaġun tas-Sajd f’Malta għandu bidu u tmiem, pero l-proġetti u l-inizjattivi ser jibqgħu kontinwi matul is-sena kollha.” 

“Matul dawn l-aħħar xhur, kelli pjaċir li nkun preżenti għal diversi inizjattivi ġodda. Infakkar fil- proġetti infrastrutturali, fosthom il-winch rooms, u l-installazzjoni ta’ pilastri tad-dawl u tal-ilma ġodda f’diversi portijiet f’Malta u Għawdex. Ta’ min isemmi wkoll l-inċentiv li tajna s-sajjieda, biex inżommu l-prezz tal-fuel użat mill-bastimenti tas-sajd tagħna finanzjarjament sostenibbli. Il- protezzjoni offruta mill-Lundy Sentinel, flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta, matul dawn l-aħħar xhur ħallew il-frott tagħhom ukoll, biex b’hekk provdejna serħan tal-moħħ tant bżonnjuż lis-sajjieda tagħna.” 

Bugeja Said tennet li, għalkemm it-totali reġistrati mad-Dipartiment tas-Sajd jagħtu xejra pożittiva, it- theddid fuq l-ekoloġija marittima tal-ibħra tagħna qegħdin ikomplu jiħraxu. “Is-sostenibbilita, u l- ugwaljanza ekonomika u soċjali għall-aċċess internazzjonali f’din l-industrija, kienu uħud mis-suġġetti diskussi waqt l-Kungress għas-Sajd ta’ Skala Żgħira, li kien organizzat f’pajjiżna matul dawn l-aħħar jiem.” 

“Il-bilanċ bejn is-sostenibbilita futura, u l-għajxien preżenti tas-sajjieda tagħna, huwa wieħed delikat ħafna, li jirrikjedi kooperazzjoni lokali u internazzjonali fuq diversi binarji. Madanakollu, dawn l-aħħar riżultati mis-sajd tal-lampuki, jagħtu rendikont importanti tal-ħidma li qegħda ssir.” 

Ekonomija

Sport