Monday, November 11, 2024

SAJF TA’ NORMALITÀ

Aqra wkoll

Sa fl-aħħar. Qegħdin ngħixu sajf ta’ normalità. Kif nafuh u nħobbuh aħna l-Maltin u kif ifittxuh it-turisti li jżuru pajjiżna. Awwissu jġib miegħu perjodu ta’ mistrieħ u divertiment għal ħafna, b’dawn il-jiem li deħlin fihom huma magħrufa għall-fatt li eluf ta’ persuni jfittxu li jagħmlu xi btala, igawdu xi festa jew jikkalmaw ftit mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum. Fl-istess ħin, eluf oħra jagħżlu li jiġu jżuruna u filwaqt li huma jgawdu dak li joffru l-gżejjer tagħna jikkontribwixxu biex indawru r-rota f’settur importanti tal-ekonomija Maltija, it-turiżmu. 

Li kieku mhux għax fl-aħħar sentejn dan ma kienx possibbli, forsi din ma kinitx tagħmilha sal-editorjal tagħna llum. Iżda żgur li ħafna llum qed japprezzaw iktar is-sabiħ ta’ dak li jista’ joffri pajjiżna. Illum forsi ngħożżu iktar dak li qabel stajna nieħdu forgranted. Ma jfissirx li dan ngħixuh mingħajr sfidi. Ma jfissirx li ma rridux naħdmu u li jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba ta’ kuljum biex dan is-sabiħ nindokrawh u nieħdu ħsiebu kif xieraq. Mill-paġni ta’ din il-gazzetta nirrapportaw kontinwament fuq l-isfidi li jkun qed jiffaċċja l-pajjiż, għax huwa biss hekk li nistgħu ngħelbuhom. 

Imma hija realtà wkoll li nistgħu ngħixu dan is-sajf ta’ normalità għax fl-aħħar snin ittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin li qed jaraw lil pajjiżna jsostni l-irkupru tiegħu b’mod tajjeb ħafna. Kien ċar li pajjiżna kellu t-tmexxija li kellha l-prijoritajiet ġusti u ta’ dak illum nistgħu naqtgħu l-frott. U dan naprezzawh iktar meta nqabblu mal-pajjiżi ġirien tagħna. 

Kif saħansitra rrimarka l-Prim Ministru nnifsu fl-aħħar jiem, rajna r-rata ta’ qgħad tkompli nieżla, filwaqt li sar magħruf li s-sena li għaddiet baqa’ jkollna żieda fl-ażjendi f’pajjiżna. Id-dħul mit-turiżmu qed ilaħħaq it-92% ta’ qabel il-pandemija u l-bejgħ mill-ħwienet f’pajjiżna żdied, kuntrast mat-tnaqqis fil-medja tal-Unjoni Ewropea. 

Dan kollu huwa raġuni għaliex inkunu ottimisti għall-ġejjieni. Huwa fuq dan l-irkupru li nistgħu nibnu l-futur. Huwa grazzi għal dan l-irkupru li l-pajjiż qed jgħin lin-nies, b’mod partikolari, quddiem id-daqqa l-kbira tal-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil, li tagħna huma l-orħos fl-Unjoni Ewropea. Huwa fuq dan l-irkupru li nistgħu nibqgħu nsostnu l-miżuri soċjali, fosthom dawk li daħlu fis-seħħ fl-aħħar xhur bħala parti mill-baġit għal din is-sena. 

L-appell tagħna hu biex filwaqt li bħala Maltin ingawdu dawn iż-żminijiet, nibqgħu nkunu kburin b’dak li qed jikseb pajjiżna. Kburin ma jfissirx li nkunu insensittivi għal dawk l-oqsma fejn nistgħu nagħmlu iktar u aħjar. Kburin ifisser li nemmnu f’Malta, u f’dak kollu li nagħmlu, inġibu l-interess ta’ pajjiżna fuq quddiem nett. Rajna jiġri dan f’negozjati li kien hemm dwar l-enerġija fuq livell Ewropew riċentament. Fejn filwaqt li nifhmu l-prijoritajiet il-ġodda li għandha d-dinja quddiema llum, nassiguraw li biex jintlaħqu l-miri ma jkunx iż-żgħir li jġorr il-piż. Iżda, iċ-ċittadin ikun inċentivat u megħjun. Huwa biss din it-tip ta’ tmexxija li tista’ twassal biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgħixu b’serħan il-moħħ u allura jgawdu n-normalità mill-ġdid.

Sport