Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu faħħar lill-Ministru Iżraeljan Bezalel Smotrich wara li dań wiegħed li Iżrael se jwettaq it-“tindif” f’Gaża. Dan iddikjarah hekk kif l-Armata Iżraeljana eskalat l-attakki tagħha u dan biex timplimenta l-pjan ta’ okkupazzjoni.
Fi stqarrija li nħarġet proprju fl-aħħar sigħat il-Ministru tal-Finanzi Bezalel Smotrich iddikjara li l-għan ta’ Iżrael huwa “li jeqred dak kollu li fadal minn Gaża”. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-armata Iżraeljana għaddejja b’ħidma biex tillivella kompletament l-infrastruttura diġà meqruda.
“Qegħdin nirbħu. Qegħdin inaddfu u se nibqgħu f’Gaża sakemm il-Ħamas jinqerdu kompletament,” iddikjara Smotrich. Dak li qal il-Ministru Smotrich qiegħed jitqies bħala ammissjoni li uffiċjali Iżraeljani beeħsiebhom iwettqu tindif etniku.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Netanyahu faħħar id-dikjarazzjoni ta’ Smotrich u qal li dan kien qiegħed jgħid il-verità – anke hekk kif esperti internazzjonali jwissu li l-kampanja ta’ tindif etniku ta’ Iżrael tikser għadd ta’ liġijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-Prim Ministru Netanyahu wiegħed li l-għan ta’ Iżrael huwa li jieħu kontroll ta’ Gaza kollha. Iddikjara b’mod ċara li “mhux se naqtgħu qalbna. Iżda biex nirnexxu irridu naġixxu b’mod li ma jistax jitwaqqaf”.
Effetti orribbli fuq il-Palestinjani f’Gaża
Id-dikjarazzjonijiet saru b’reazzjoni għall-kritika minn xi Iżraeljani dwar it-tħabbira tal-gvern nhar il-Ħadd li se jippermetti għajnuna umanitarja “minima” f’Gaza wara kważi tliet xhur ta’ imblokk totali ta’ għajnuna minn Iżrael.
L-imblokk kellu effetti orribbli fuq il-Palestinjani f’Gaża, b’attivisti tad-drittijiet tal-bniedem iwissu li l-ġuħ huwa imminenti u diġà qed jinħass sew fiż-żona kollha. Barra minnhekk, il-militar Iżraeljan qatel mijiet ta’ Palestinjani fl-aħħar ftit jiem biss fil-kampanja eskalata tiegħu.
Ovvjament il-pass li titħalla tidħol li l-ammont żgħir ta’ għajnuna sar biex issikket il-kritika qawwija minn alleati barranin.
Il-Prim Ministru Netanyahu konxju minn twissijiet minn Senaturi meqjusin ħbieb ta’ Iżrael, liema twissijiet kienu jgħidu li ma jistgħux jappoġġjaw lil Iżrael jekk joħorġu immaġini ta’ ġuħ tal-massa, iddeċieda li jħalli għajnujna minima tidħol f’Gaza. Netanyahu u ta’ madwaru huma konxji li mingħajr appoġġ internazzjonali, mhux se jkunu jistgħu jtemmu l-pjan tagħhom f’Gaża.
Il-Ministru Smotrich għamel dikjarazzjoni qawwija u qal li, “l-verità hija li, sakemm jirritorna l-aħħar ostaġġ, m’għandniex inħallu l-ilma jidħol f’Gaża. Iżda r-realtà hija li jekk nagħmlu dan, id-dinja se ġġiegħelna nwaqqfu l-gwerra immedjatament u nitilfu. Qegħdin inżarmaw lil Gaża u nħalluha munzell ta’ terrapien, b’qerda totali”.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Smotrich kien qal li Iżrael irid “jieqaf jibża’ mill-kelma ‘okkupazzjoni”.