Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn ta’ etá żgħira kont nuri l-interess tiegħi lejn il-futbol u bl-għajnuna u l-kuraġġ li sibt mingħand il-ġenituri tiegħi iktar tfajt moħħni hemm. Missieri wkoll kien jilgħab u jsegwi l-futbol, u b’hekk mingħajr ma trid l-interess dejjem jiżdied.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Kalkara United.
L-esperjenza tiegħi mal-Kalkara kienet waħda pożittiva sa mil-ewwel gurnata ta’ taħriġ. Il-plejers, kowċis, kumitat u membri tal-klabb kienu ta’ sapport sħiħ u llum il-ġurnata tista’ tgħid li sirna qisna familja.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda kien wieħed pożittiv meta tqis li lħaqna t-tragaward tagħna li kien top 4 u ħafna mill-plejers konna qatt ma lgħabna flimkien qabel … xi wħud minna kienet l-ewwel esperjenza tagħhom mal-kbar.
Kif tqis il-livell tan-National Amateur League 2?
Minkejja li l-Amateur League 2 huwa l-iktar diviżjoni baxxa fil-kampjonati Maltin nista’ ngħid li l-livell għola minn meta lgħabt l-aħħar fl-istess diviżjoni lura fl-2017.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom?
Naħseb li bħala grawnds fejn jintlagħab il-kampjonat ukoll għola l-livell minn dak iż-żmien ;l hawn għaliex kien hemm xi grawnds li sarulhom manutenzjoni, peró, nemmen li hemm ħafna affarijiet x’isiru għall-ġid tal-futbol Malti.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol fosthom l-istaġun li ġej ma’ Kalkara United FC?
L-istaġun li ġej ħa jkun wieħed bilanċjat għaliex kull tim ħa jkollu skwadra kompetittiva. It-tragward tagħna hija l-promożżjoni u ninsab ċert li kemm il-klabb kif ukoll il-plejers ħa nagħmlu minn kollox biex naslu għal dan l-objettiv.
Mill-bqija, sakemm tagħtini saħħti, ninsab determinat li nibqa’ nilgħab il-futbol u niddedika kemm nista’ ħin biex ngħolli l-livell personalment.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol, kif ukoll ieħor lill-partitarji kollha ta’ Kalkara United.
Il-futbol huwa sport sabiħ li bih tikber mentalment u fiżikament. Apparti li huwa sabiħ li tilgħab il-logħba hemm ukoll is-sodisfazzjon li ġġib magħha. Titgħallem ukoll tkun dixxiplinat u indipendenti, u b’hekk nagħmel kuraġġ speċjalment lill-plejers ta’ etá żgħira lil min hu interessat fil-futbol jaħdem biex fl-aħħar mil-aħħar jasal fejn jixtieq.
Minn hawn nixtieq inħeġġeġ bis-sħiħ lill-partitarji kollha ta’ Kalkara United biex jitilgħu l-grawnd u hemmhekk jissapportjaw lit-tim biex b’hekk jagħtuna l-kuraġġ kollu biex inkomplu nibnu fuq li diġá bnejna u fl-aħħar mill-aħħar jirnexxielna nilħqu t-tragwardi tagħna għal dan l-istaġun!