Saturday, December 14, 2024

Sakkret mara vulnerabbli għal disa’ snin … ħallietha f’sitwazzjoni iġenika prekarja

Aqra wkoll

Anna Maria Jimenez ta’ 38 sena minn Birżebbugia kienet ikkundannata sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstabet ħatja li għal disa’ snin sakkret mara vulnerabbli fejn kienet tħallieha f’kamra ma’ żewġt iklieb f’intiena qawwija. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu fis-17 ta’ Settembru 2015, meta l-Pulizija kienet infurmata b’rapport li sar minn mara fuq vjolenza domestika u li kienet qed tinżamm f’post kontra l-volontà tagħha. 

Il-Pulizija marret fil-post fejn kienet toqgħod din il-mara fejn qaltilhom li xi erba’ jew ħames xhur qabel kienet toqgħod mal-imputata f’Birżebbuġa biex ikollha saqaf fuq rasha bil-patt li kienu se jaqsmu l-ispejjeż.

Hija qalet ukoll li fl-istess residenza kien hemm mara oħra vulnerabbli li kienet qed tgħix fi stat ħażin tant li skont hi kienet qed tinżamm mill-imputata msakkra għal żmien twil. 

Fir-residenza, il-Pulizija sabu lilll-imputata flimkien mal-mara vulnerabbli fil-kċina mdawra b’numru ta’ pupi tal-playmobil fejn din kienet qed tgħaqqadhom.

Fix-xhieda tagħha, il-mara vulnerabbli qalet li meta kienet iltaqgħet ma’ Jimenez u saru ħbieb, din staqsietha biex tmur magħha. Qalet li l-ewwel kienu joqogħdu f’post f’Birżebbuġa mbagħad marru joqogħdu f’post ieħor fl-istess lokalità. Huma damu jgħixu fil-post l-antik madwar sitt snin.

Fil-post il-ġdid, ix-xhud tgħid li Jimenez bdiet issakkarha fil-kamra tagħha ma’ żewġt iklieb. Qalet li għal ħames xhur kien hemm ukoll mara oħra tgħix magħhom.

Il-kamra tagħha kienet kbira ġmielha u fiha ma kellhiex gwardarobba iżda kellha sodda u biċċa mejda. Tgħid li fil-kamra kien hemm riħa tinten qawwija minħabba li l-klieb ta’ sikwit kienu jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom fil-kamra. 

Tgħid li ġieli Anne Marie kienet tagħtiha barmil bl-ilma biex tnaddaf izda ma tantx kienet tagħmel differnza. Dan il-barmil kien jintuża wkoll biex hi tagħmel il-bżonnijiet tagħha.

Hija tgħid li l-bibien tal-gallarija li kellha fil-kamra kif ukoll il-bieb tal-kamra tagħha kienu jkunu msakkrin lejl u nhar.  Saħqet li kuljum meta hi kienet tqum ma kinitx tiħu kolazzjon ħlief xi ftit ilma, bl-akkużata tgħidilha biex toħroġ il-klieb u terġa’ tidħol immedjatament wara li ddur mad-dawra tal-blokka.

Wara kienet terġa’ tidħol fil-kamra tagħha mal-klieb u l-imputata kienet terġa’ ssakkarha. Qalet li din bdiet tissakkar madwar erba’ snin u nofs qabel. Qalet li hija kienet tiekol biss darba f’ġurnata, filgħaxija. Saħqet li Jimenez kienet tgħidilha li jekk ma tlestix il-pupi tal-playmboil li kienet tagħmel kuljum, hija ma kinitx se ttiha tiekol. Hija qatt ma rat flus minn dawn il-pupi. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li l-verżjoni tal-vittmi għandhom mis-sewwa u li għalhekk Jimenez kienet issakkara lil waħda minnhom għal numru ta’ sigħat fil-ġurnata u li kienet tħalliha f’sitwazzjoni iġenika prekarja.

“Il-fatt li din kienet titħalla toħroġ il-kelb jew li tmur tixtri xi daqqiet ma jbiddel xejn. Ħareġ ċar ukoll li l-vittmi kienu jibżgħu mill-imputata tant li dejjem kienu jmorru lura d-dar fejn hi kienet tirrisjedi għaliex hi dejjem kienet tbeżżagħhom illi kienet se tkeċċihom mid-dar jew mix-xogħol jew li kienet ittihom xi daqqa,” qalet il-Maġistrat Stafrace Zammit. 

Il-Maġistrat innutat ukoll li ma ġewx ippreżentati l-ebda ċertifikat mediku li jippruvaw xi ġrieħi, u għaldaqstant ma setgħetx tinstab ħtija fuq l-akkuża li kkaġunat ġrieħi ħfief fuq il-mara. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti sabet lil Jimenez ħatja li żammet lill-mara vulnerabbli kontra l-volontà tagħha għal disa’ snin u li kkaġunatilha biża’ li se tintuża vjolenza kontriha u kontra mara oħra u kkundannatha sentejn priġunerija sospiżi għal tliet snin. 

Ekonomija

Sport