Sunday, December 22, 2024

Sal-aħħar tas-sena l-UOM mistennija jkollha l-ewwel Startup għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli offshore

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern nieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewwel politika nazzjonali għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli offshore. Dan se jkun ifisser li għall-ewwel darba investituri privati se jkollhom viżibiltà fuq attività ta’ proġetti ta’ enerġija nadifa fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta.

“Din id-direzzjoni hija waħda li kienet mistennija u li tagħmel sens. F’Malta bħalissa għandna madwar 10 fil-mija tal-enerġija ġejja minn sorsi rinovabbli. Jekk irridu naslu, jew almenu noqorbu lejn il-100 fil-mija ovvjament irridu nużaw il-baħar – fejn għanda spazju ferm ikbar milli għandna fuq l-art”. Iddikjara dan ma’ talk.mt il-Professur Luciano Mule Stagno f’reazzjoni dwar din l-Politika ġdida dwar proġetti għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli offshore.

Fuq l-art għad hemm opportunitajiet li nżidu pannelli (PVs) – forsi anki nirduppjaw jekk mhux aktar minn dak li diġà għamilna – però biex nilħqu l-massimu rridu naqdfu sew b’madwar għaxar darbiet minn dak li għamilna s’issa.

It-teknoloġija tal-wind turbines fuq il-baħar (floating) għalkemm relattivament ġdida, qed timmatura u malli jiżdiedu il-volumi minħabba interess anke minn pajjiżi bħalma huma l-Olanda, il-Ġermanja u d-Danimarka huwa mistenni li l-prezzijiet tagħhom jinżlu wkoll. Madanakollu dawn xorta mistennija li jibqgħu jiswew xi ftit iżjed minn turbini fuq l-art imma illum l-Ewropa qed tħares ukoll lejn is-sigurtà tal-energija u li jkollok sorsi ta’ ġenerazzjoni lokali huwa importanti kif rajna fl-aħħar xhur meta beda l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Bħala Direttur tal-Istitut tal-Enerġija Sostenibbli fl-Università ta’ Malta, il-Prof. Mule Stagno kompla biex jgħidilna li ilhom għaddejjin għal iktar minn 10 snin jaħdmu fuq żvilupp ta’ pannelli fotovoltajiċi fuq il-baħar u proġett tagħhom ‘Solaqua’ jinkludi żvilupp ta’ sistemi disinjati speċifikament għall-baħar Mediterran. Jekk kollox imur sew sa din is-sena stess l-Università mistennija jkollha “startup” f’dan il-qasam ukoll u beħsiebhom ivaraw l-ewwel full scale prototype. F’dan ir-rigward diġà nħarġet il-patent fuq id-disinn u saru testijiet fir-Rinella anke grazzi għall-Kummissjoni Maltija tal-Films li pprovdiet il-faċilità. Il-fondi għal dawn it-testijiet inħarġu mill-MCST, ir-REWS, u l-RIDT tal-Università stess.

Mistoqsi rigward l-opportunitajiet tal-baħar Mediterran il-Prof. Mule Stagno qalilna li jemmen li ser jinħolqu ħafna. Huwa semma kif l-installazzjoni ta’ Solar u Wind Farms se tkun tirrikjedi diversi persuni minħabba l-manutenzzjoni fost affarijiet oħra. Barra min hekk peress li xi teknoloġiji huma lokali jistgħu saħansitra jiġu manifatturati f’pajjiżna stess. Huwa ma eskludiex il-possibbiltà li fil-futur forsi naslu biex nipproduċu anke għall-esportazzjoni. 

Fejn jidħlu vantaġġi ambjentali huwa qalilna li dawn se jkunu qegħdin inaqqsu it-tniġġiż b’mod drastiku u li għalhekk se jkollna arja iktar nadifa u naqtgħu d-dipendenza fuq sorsi ta’ enerġija barranin. Dan mhux se jkun ifisser biss sigurtà, iżda jista’ jkollna ramifikazzjonijiet importanti finanzjarji minħabba li fil-preżent mijiet ta miljuni ta’ ewro jintefqu biex nixtru sorsi ta’ enerġija bħalma huma l-gas u ż-żejt.

Bħala opportunitajiet li joffri l-baħar Mediterran huwa qalilna li minkejja li dan mhuwiex baħar dejjem kalm, lanqas ma huwa kiefer daqs ibħra oħra bħalma huwa n-North Sea u għalhekk hija iktar vijabbli u tiswa inqas biex timplimenta din it-teknoloġija hawn. 

“Il-proġett tagħna, minkejja li għadu fl-infanzja għandu miri li l-enerġija li jiġġenera tkun bi prezz komparabbli ma’ dak ta’ pannelli fuq l-art f’postijiet bħal Malta jew viċin bliet kbar fejn il-baħar. Minkejja li jkollhom l-art – però din tkun għexieren jew anke mijiet ta’ kilometri ’il bogħod miċ-ċentru – mentri fil-baħar tista’ tagħmel farm aktar qrib tal-belt jew żona kummerċjali”, temm jgħidilna.

Ekonomija

Sport