Monday, November 11, 2024

Sal-aħħar tas-sena St. Michael Hospice Coplex mistenni jibda jilqa’ pazjenti għal kura paljattiva

….B’investiment ta’ €14 miljun u b’ħidma bejn Hospice Malta u l-Arċidjoċesi ta’ Malta

Aqra wkoll

Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ St. Michael’s Hospice f’Santa Venera. Dan il-kumpless huwa mistenni li jkollu madwar 16 -il kamra, li lkoll se jkunu ta’ għajnuna għal pazjenti li jingħataw kura paljattiva waqt li jkunu għadejjin minn żminijiet diffiċli. 

Il‑kmamar f’St Michael Hospice huma ddisinjati b’tali mod li jiżguraw ambjent kalm u paċifiku għall‑pazjenti filwaqt li jipprovdu wkoll il‑kura medika kollha meħtieġa. Il‑qraba se jkunu jistgħu wkoll joqogħdu mal‑għeżież tagħhom, filwaqt li jgawdu l‑ġonna u l‑btieħi tal-madwar li joffru ambjent terapewtiku pożittiv.  Barra minn hekk, se jkun hemm ukoll fergħa edukattiva sabiex isir skambju ta’ għarfien ma’ ċentri oħra ta’ kura paljattiva f’diversi pajjiżi madwar id‑dinja. 

Hekk kif bħalissa qegħdin jitħejjew diversi preparazzjonijiet għall-maratona li se ssir b’risq Hospice Malta nhar il-Ħadd 9 ta’ Lulju, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Sciculna żar il-kumpless ta’ San Mikiel. L‑Arċisqof Scicluna qal: “Huwa privileġġ għalija li jkolli l‑opportunità nżur St Michael Hospice li wasal biex jitlesta. Il‑Knisja f’Malta tappoġġja bi sħiħ il‑valuri u l‑missjoni tal‑Hospice, li tagħmel ħilitha biex toffri servizzi u dinjità lil individwi li għandhom bżonn kura paljattiva.”

Huwa żied jgħid li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta b’ġenerożità tat donazzjoni tal‑art u l‑bini tal‑Istitut Cini, illum stmata €25 miljun, għall‑użu ta’ Hospice. L-Ariċisqof stqarr li l‑Arċidjoċesi tħeġġeġ lil kulħadd sabiex jappoġġja l‑missjoni siewja ta’ Hospice.”

St Michael Hospice se jiġi jiswa madwar €14 miljun u hu parzjalment kofinanzjat mill-Gvern, mill-Unjoni Ewropea, mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali, fundraising u donaturi oħra. Kull min jixtieq jikseb iktar informazzjoni dwar St Michael Hospice jew jgħin lil Hospice Malta fil‑missjoni tagħha, jista’ jżur hospicemalta.org. 

Sport