Monday, December 23, 2024

Sal-lum il-mistoqsijiet bil-miktub għal Angelo Gafà

Aqra wkoll

Riesaq lejn l-aħħar fażi l-proċess għall-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija

Iż-żewġ naħat tal-kamra għandhom ċans sa llum biex jibagħtu l-mistoqsijiet li jixtiequ jagħmlu lil Angelo Gafà, il-kandidat propost mill-Kabinett biex ikun maħtur bħala l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

Gafà kien wieħed miż-żewġ kandidati referuti lill-Kabinett b’mod unanimu mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku wara sejħa pubblika li nħarġet u wara li ntemm il-proċess ta’ evalwazzjoni għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija. 

Il-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati u ddeċieda li jirreferi lil Angelo Gafà bħala l-iktar wieħed adattat għall-Kummissarju tal-Pulizija u għas-smigħ parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Partit Nazzjonalista ħareġ jgħid li mhux se jkun qed jipparteċipa f’dan il-kumitat biex b’hekk Gafà se jkun qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet li mistenni jsirulu mill-membri Parlamentari min-naħa tal-Gvern.

Wara li jirċievi l-mistoqsijiet bil-miktub, Gafà jkollu għaxart ijiem ċans biex jirrispondi għalihom biex imbagħad fi żmien ħamest ijiem jitlaqqa’ l-kumitat biex isir il-proċess eventwali ta’ skrutinju.

F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, il-President tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Anthony Agius Decelis, stqarr li hija ħasra li l-Oppożizzjoni, li kellha l-opportunità li tieħu sehem fi proċess trasparenti u demokratiku bħal dan, ma tiħux sehem fih iżda tagħżel li taħrab minnu. “Min-naħa tagħna, se nkomplu għaddejjin b’xogħolna,” qal Agius Decelis. 

Gafà għandu 41 sena u ilu membru fil-Korp tal-Pulizija mill-2003 meta kien daħal bħala Uffiċjal Kadett permezz tal-Iskema ta’ Reklutaġġ tal-Korp. F’April 2004, Gafà laħaq Spettur tal-Pulizija u malli nħatar kien assenjat dmirijiet investigattivi u rwol prosekutorju fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija fejn serva sa Ġunju 2013. 

Bejn Ġunju 2013 u Diċembru 2016 serva fi ħdan is-Servizz Malti tas-Sigurtà fost l-oħrajn bħala Assistent Kap tal-Organizzazzjoni u fl-2018 ġie promoss għal grad ta’ Supretendent tal-Pulizija.

Wara sejħa pubblika, f’Diċembru 2016 is-Sur Gafà inħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija liema kariga għadu jokkupa sal-lum. Qabel ma daħal fil-Korp tal-Pulizija, is-Sur Gafà kien it-Tieni Logutenent fil-Forzi Armati ta’ Malta. Huwa kien ikklassifika l-ewwel fl-eżami tad-dħul fil-Forzi Armati kif ukoll f’dak tal-Pulizija ta’ Malta.

Ekonomija

Sport