Saturday, December 21, 2024

Sal-lum l-indeċiżi jiddeterminaw l-elezzjoni li jmiss

Il-PL bi 12,000 vot aktar mill-PN

Aqra wkoll

Stħarriġ li ġie ppubblikat lbieraħ juri li l-ebda partit m’għandu l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta, b’ madwar 15 fil-mija ‘ma jafux’ lil min ser jivvutaw. Apparti l-indeċiżi dan is-survey juri kif 41.0 fil-mija qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, 37.4 fil-mija wieġbu Partit Nazzjonalista, 3.4 fil-mija wieġbu ADPD, 3.1 fil-mija qalu partiti oħrajn. L-istħarriġ sar minn Vincent Marmara.

L-analisti tas-surveys, qabel jikkumentaw b’mod pubbliku dejjem jispjegaw li s-survey huwa ritratt u stampa ta’ dak il-mument. Huwa fatt, pero survey sentejn qabel elezzjoni m’għandux jinqara biex wieħed ikun jaf in-numri b’kemm ħa tintrebaħ elezzjoni sentejn oħra, iżda għandu janalizza dak li huwa konsistenti u jaqbad l-inkonsistenzi.

Il-konsistenti li deher ċar anki fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kien li l-indeċiżi jilgħabu rwol importanti f’kull elezzjoni. Wieħed jista jgħid li l-ammont ta’ nies li ma jafux lil min se jivvutaw jaqbeż id-distakk bejn il-partiti u b’hekk l-elezzjoni mhi ċerta għal ebda partit.

Marmara jinnota li ċ-ċaqliq ta’ voti bejn il-partiti huwa wieħed minimu, b’dan is-survey juri shift żgħir ta’ 2.0 fil-mija mill-Partit Laburista għall-Partit Nazzjonalista. Meta wieħed iqabbel dan ir-riżultat tas-survey mar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, juri li l-Partit Laburista jnaqqas 6.8 fil-mija, il-Partit Nazzjonalista jżid 2.4 fil-mija u l-ADPD u partiti oħrajn iżidu 4.4 fil-mija.

Mid-data li nġabret jidher li minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022, 80.6 fil-mija wieġbu li jerġgħu jivvutaw lil PN u jidher l-Partit Laburista ma jieħux voti tal-PN. Dan huwa kontrastanti mal-Partit Laburista li jitlef aktar voti minn tiegħu, b’72 fil-mija biss jgħidu li jerġgħu jivvutaw lil PL. 2 fil-mija minn dawk il-votanti Laburista saħansitra qalu li jivvutaw lil Partit Nazzjonalista.

Min huma l-indeċiżi?
Il-maġġorparti tal-indeċiżi jew li ma jridux jivvutaw huma nies li vvutaw lil Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2022. B’hekk jidher biċ-ċar li fost ħafna votanti li vvutaw lill-Partit Laburista hemm dak li jissejjaħ il-protest vote. Id-distakk li kien dejjem wieħed sostanzjali mill-2013, fil-maġġorparti tiegħu ma kienx magħmul biss mill-core vote li ħafna jqisuhom bħala t-tesserati u l-membri tal-Partit iżda kien hemm ammont sostanzjali minnhu li huma floaters. Nies li mhux neċessarjament dejjem ivvutaw il-Partit Laburista, iżda f’dawn l-aħħar għaxar snin, lil dan il-Partit rawh bħala l-aħjar għażla għal pajjiż.

Il-Laburist normalment jgħid li d-distakk qed jonqos għax il-laburist mhux jinqeda u agħar minn hekk mhux jinstema sforz l-arroganza tal-ħafna. Din hija problema li tismagħha mingħand nies li huma viċin il-politika u li normalment meta jsabbtu saqajhom jinstemgħu ftit aktar. Wieħed mhux jgħid li din ir-realta ma teżistiex pero hemm faxxa oħra li hi siekta.

Dawn huma nies li vvutaw lil Partit Laburista fl-aħħar elezzjonijiet għax rawh bħala l-unika Partit vijabli b’ideat u nifs ġdid, pero issa qed isibuha diffiċli biex jerġgħu jagħżlu lilu. Ma għandhomx għażla fil-Partit Nazzjonalista għax nieqes mill-ideat pero fl-istess ħin mhumiex jaraw tama fil-Partit Laburista allura jinstabu fin-nofs. Dawn mhumiex viċin tal-politiku iżda josservaw minn barra u li għalkemm ma jitolbux pjaċiri xorta għandhom l-vot u jivvutaw skont x’qed jiġri madwarhom u x’jimpatta lilhom. Dawn ma għandhomx l-istess kwalitajiet tal-core voter, li jsibha diffiċli biex jaqleb il-vot tiegħu għax ħajtu kollha laburist. Dawn anzi huma nies li jivvutaw differenti, jivvutaw skont x’qed jiġri fil-pajjiż aktar milli lealta lejn Partit, Ministru jew individwu involut.

Il-Prim Ministru Robert Abela fdat 12.0 fil-mija iżjed minn Bernard Grech

Il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat ferm aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech. Dan id-distakk huwa ferm akbar minn dak bejn il-Partiti u juri l-pożizzjoni aktar b’saħħita tal-Mexxej Robert Abela. Wieħed biss jinnota li n-numri li juru Ħadd, Oħrajn u Ma Nafx flimkien jammontaw għal aktar mill-fiduċja li għandhom il-mexxej u l-kap tal-Partiti Politiċi. B’hekk il-konsistenza tal-indeċiżi dejjem tibqa hemm u tidher f’kull aspett ta’ dan is-survey ta’ Marmara.

Kieku kellha ssir elezzjoni llum l-indeċiżi jiddeterminawha.

F’dawn l-aħħar ftit snin is-survey ta’ qabel il-baġit dejjem kien iebes fuq il-Partit Laburista, iżda normalment it-tendenza tkun li wara l-baġit id-distakk jerġa jżied. Ġurnata fil-politika hija ġurnata twila, aħseb u ara sentejn sħaħ li fihom ħafna affarijiet jistgħu jiġru u jinbidlu.

Marmarà jinnota kif fost dawn in-nies, l-akbar inkwiet tagħhom huwa l-barranin, it-traffiku, l-ambjent u kif ukoll l-andament mgħaġġel fil-kostruzzjoni. “Min ser itihom id-direzzjoni l-ewwel? Dan huwa dak li qed jistennew in-nies, xi ħadd li jindirizza t-tħassib tagħhom,” temm jgħid il-kelliem.

Dawn is-surveys huma importanti għax il-Partiti Politiċi jkollhom indikazzjoni ta’ fejn sejrin u għandhom jieħdu nota ta’ x’hemm konsistenti u jaħdmu fuqu. Minn dan is-survey pero jidher li l-Partit Laburista għadu jista jiddeċiedi min se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss, skont jekk jirnexxilux jikkonvinċi n-nies li vvutawlu fl-aħħar elezzjoni ġenerali biex jerġgħu jagħtuh il-fiduċja.

Nota:Dan l-istħarriġ sar bit-telephone bejn it-2 u d-9 t’Ottubru b’kampjun ta’ 1,000 persuna b’confidence level ta’ 95% u marginal of error ta’ +/- 3.1% fost persuni minn 16-il sena ’l fuq. Il-kampjun miġbur kien imqabbel b’mod preċiż mal-etajiet tan-nies, id-distretti u s-sess tagħhom.

Ekonomija

Sport