L-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) llum sejħet konferenza stampa quddiem l-Isptar Monte Carmeli fejn appellat lill-awtoritajiet sabiex iwaqqgħu l-akkużi mressqa kontra infermier li jaħdem fl-istess sptar.
Joseph Pace qed jiġi mixli b’negliġenza f’każ li jmur lura għall-2017 u li jinvolvi pazjent li kellu bżonn superviżjoni kontinwa iżda minħabba li għal xi raġuni, il-management ma setax jipprovdi tali superviżjoni.
Minħabba f’dan in-nuqqas, il-pazjent kien weġġa’ lilu nnifsu u tilef ammont kbir ta’ demm u ntbagħat fl-Isptar Mater Dei għall-kura fejn wara ġie dikjarat li kien fieq kompletament.
Skont l-MUMN, il-pazjent involut ma setax ikollu superviżjoni kontinwa minħabba nuqqas ta’ staff. L-MUMN qiegħda tisħaq li Joseph Pace għamel dak kollu li seta’ biex lill-pazjent isalvalu ħajtu.
Il-President tal-MUMN Paul Pace qal li dan l-individwu mar lil hinn mid-doveri tiegħu li mhux talli ma kellux infermiera lil min jibgħat fuq dan il-każ partokolari, iżda niżel hu stess biex jgħin u jsalva l-ħajja tal-pazjent.
“Dan il-każ huwa turija ta’ kemm fil-ħajja verament jiblagħha ż-żgħir. Dan kien bniedem li jidħol fin-nar għalik,” qal Paul Pace li saħaq li mhux eskluż li jekk ikun hemm bżonn jagħmlu aktar direttivi mal-isptarijiet kollha.
Fl-istess konferenza tkellem ukoll Joseph Pace, li rrakkonta kif seħħ il-każ u qal li kien daħal hu stess għall-pazjent. “Għax dan il-pazjent ma kienx ikkaverjat, kien wieħed mill-ħafna li ma kienx ikkaverjat dakinhar, spiċċa biex weġġa’ lilu nnifsu. Salvajnieh għax għamel ferita kerha. Dħalna għalih dak il-ħin stess. Kien mimli demm. Xħin tiġi f’dik is-stwazzjoni, l-ewwel li jiġi f’moħħok hu li ssalvah.”
Huwa qal li sentejn wara bagħtu għalih il-pulizija biex jirrilaxxja stqarrija iżda qas biss issejjaħ biex jixhed fl-inkjesta. “L-Ispettur infurmana bl-akkużi, qalilna għandkom massimu ta’ disa’ snin ħabs u eluf ta’ ewro f’multa. Għedtlu 38 sena servizz se nitlifhom hekk? Naħseb li jien l-aktar wieħed anzjan f’dan ix-xogħol fl-isptar,” qal Joseph Pace.
Huwa semma wkoll li fl-aħħar ġimgħat ġie jħabbatlu pulizija d-dar u tah ir-riferta tal-każ fejn hu mitlub li jitla’ l-Qorti biex iwieġeb għall-akkużi nhar il-5 ta’ Lulju li ġej.
F’din il-konferenza attendew numru ta’ infermiera bħala att ta’ solidarjetà ma’ Joseph Pace.