Fl-aħħar sigħat il-Forzi Armati ta’ Malta kienu kostretti jsalvaw 118-il immigrant irregolari li kienu qed jegħrqu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija, fosthom għaxar nisa, waħda minnhom b’tarbija tat- twelid u ħamest itfal.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri spjega kif fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena l-awtoritajiet Libjani interċettaw madwar 7,000 persuna. Għaldaqstant, il-Gvern huwa kommess li jkompli jikkopera mal-awtoritajiet Libjani biex jipprevjeni aktar wasliet u jnaqqas it-telf ta’ ħajjiet fil-Mediterran.
Huwa saħaq kif waħda mill-prijoritiet ewlenin ta’ dan il-Gvern hi li jsaħħaħ is-sistema tar-ritorn. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed jieħu passi biex min ma ħaqqux jibqa’ fil-pajjiż jintbagħat lura. Dan filwaqt li se tkompli l-ħidma fuq ir-rilokazzjoni ta’ immigranti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, in-numru ta’ immigranti li se jiġu rilokati lejn stati membri tal-Unjoni Ewropea issa tela’ għal 450. Fl-aħħar ġimgħat meta reġgħu fetħu l-ajruporti ġew ir-rappreżentanti tal-pajjiżi rispettivi u fil-ġimgħat li ġejjin ser jintbgħatu numru konsiderevoli ta’ immigranti.
Il-Messaġġ tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi
F’messaġġ tal- Ministru għall-Intern, is-sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri huwa qali li, “fl-aħħar xhur qsamt magħkom diversi żviluppi pożittivi dwar is-setturi li mmexxi jien. Illum irrid nitkellem magħkom dwar l-immigrazzoni irregolari. Bħal dejjem nitkellem magħkom b’onestà.”
Huwa kompla jgħid li l-isfida tal-immigrazzjoni rregolari la qatt kienet faċli, u la qatt ser tkun faċli.
Fid-dawl tal-operazzjoni tas-salvataġġ, il-Ministru qal li “din kienet sitwazzjoni fejn il-Forzi Armati ta’ Malta ma kellhomx għażla oħra ħlief li jew iħallu lil dawn il-persuni jgħerqu, jew isalvawhom.”
Huwa afferma li dawn l-immigranti se jinżammu iżolati fi kwarantina fuq l-art hekk kif is-sejħa għall-bastiment tal- kwarantina li ħareġ il-ministeru fl-aħħar ġimgħat tinsab fl-aħħar fażijiet tagħha.