Tuesday, August 12, 2025

“Salvawna mix-xelter għax għereq bl-ilma… lili bdew jgħolluni” (1)

Ftit wara li tlaqna lid-Dumnikani intlaqtet il-knisja u l-kunvent - George Rodgers

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-10 ta’ Ġunju tas-sena 1940, faqqgħet id-dikjarazzjoni ta’ gwerra ta’ Mussolini. Dakinhar Mussolini iddikjaraw gwerra kontra l-Ingilterra u Franza.  Dikjarazzjoni li ħolqot ansjetà kbira f’pajiżna. Mill-ewwel ġie ordnat biex ma jitħalliex dawl jidher bil-lejl. Ħafna bdew jaħsbu biex jevakwaw minn madwar il-Port il-Kbir.  

Ħafna minn dawk li kienu jgħixu fil-Kottonera evakwaw lejn irħula fit-tramuntana ta’ Malta fosthom ir-Rabat, lejn Għawdex jew irħula oħra lil hinn mill-port.   Ħafna kienu spiċċaw rifuġjati iż-Żurrieq. Wieħed minn dawn kien George Rodgers, li flimkien ma’ familtu sabu kenn fiż-Żurrieq. George, meta tkellem ma’ IT-TORĊA spjegalna kemm kienu milqugħin iż-Żurrieq, tant li lanqas il-problema tal-ġuħ u n-nuqqas ta’ ikel ma’ affettwathom għax in-nies u l-ġirien dejjem kienu jtuhom milli jkollhom. Fiż-Żurrieq, mhux kollox kien ward u żahar. Il-ħajja fix-xelter, wasslet biex għaddej minn esperjenza mhux tas-soltu għax spiċċaw kellhom jiġu salvati minnu. Mhux għax iġġarraf xi bini u imblokka il-bokka, imma għax waqt attakk, għal xi raġuni ix-xelter imtela’ bl-ilma, tant li lilu kellhom jgħolluh biex ma jispiċċax taħt l-ilma. Dawk fix-xelter spiċċaw sa spellejhom fl-ilma qabel ġew salvati. 

Oriġinarjament mill-Birgu. Twieled proprju sentejn qabel bdiet il-gwerra. L-ewwel xhur qattagħhom l-Birgu, għal kenn tal-Kunvent tad-Dumnikani. Din is-sitwazzjoni ma’ tantx damet, għax fittxew post aktar sigur. Wara li telqu, il-kuvent u l-knisja intlaqtu bl-attakki. Il-post tal-rifuġju li sabu kien iż-Żurrieq.

U biex wieħed jifhem kif ġie affettwat iż-Żurrieq bir-rifuġjati, wieħed irid jara ir-rakkont ta’ Dr. Carmelo Caruana. Fi kliemu stess: “irġiel, nisa u tfal, familji sħaħ, karozzi u żwiemel u karettuni mgħobbijin b’imtieraħ u mħaded, basktijiet u lożor bi ħwejjeġ oħra imballati, kulħadd ifittex lil min jilqgħu. U n-nies sabu kenn fid-djar, fil-knejjes iż-żgħar u fl-irziezet vojta. Għall-ewwel in-nies tqiegħdu fil-knsija ta’ San Luqa u San Bert u fil-mużew. F’dawk il-ġranet kien hemm fir-raħel veru spirtu ta’ solidarjetà u mogħdrija. Tiskanta kif f’temp ta’ erbat ijiem in-numru ta’ nies fir-raħal minn sebat elef irdoppja u sar erbatax-il elf.”

“Tlaqna mill-Birgu u tintlaqat il-knisja l-kunvent tad-Dumikani” 

Twelidt il-Birgu 1938 fi Triq Brittania illum Triq Hilda. Żammewni ftit hemm u wara daħħluni fil-kunvent tad-Dumniknani. Minn dak li jgħidli missieri, kienu ħarġuni minn hemm u morna iż-Żurrieq minħabba l-gwerra. Kif ħriġna mingħand id-Dumnikani, waqgħa l-kunvent bl-attakki.”

Filfatt kien il-Ħadd filgħodu, 19 ta’ Jannar tas-sena 1941, meta f’ attakk mill-aktar qawwi li ħalla ħerba kbira fil-Birgu, il-Kunvent u l-Knisja tal-Lunzjata fil-Birgu ntlaqtu mill-bombi, u d-dormitorju, il-mużew, in-novizzjat, l-Oratorju tal-Fratellanza tar-Rużarju u s-sagristija, sfaw borġ ġebel. Minħabba l-periklu li kien hemm, is-sittax-il patri u l-erba’ fratelli kooperaturi li kienu jgħixu fil-kunvent, kellhom jitilqu mill-Birgu u jmorru fil-Kunvent tar-Rabat.

George jgħidilna li “xorta baqgħu jamministraw il-quddies u  peress li knisja ta’ San Duminku kienet imġarrfa, il-quddies bdew jagħmluha fil-palazz tal-Inkwiżitur. Kont inmur quddies hemm.  Kont inmur ma’ missieri.  Kont ninżel miegħu miż-Żurrieq. Iz-ijiet tiegħi kienu żewġ xebbiet u kienu jaħslu l-ilbies tal-patrijiet u minħabba dan baqgħu involuti u baqgħu qrib il-patrijiet.  Il-quddies kienet issir fuq.  Kif tidħol fil-Palazz hemm taraġ, titla’ u kien hemm kamra u hemmhekk kien hemm l-altar. Dan dejejm fi żmien il-gwerra”, jirrakkonta George. 

“Iż-Żurrieq konna ngħixu f’kamra waħda”

“Iż-Żurrieq konna refuġjati.  Konna ngħixu f’kamra waħda. Konna tlett persuji. Jien, missieri, ommi u kellna kelba. Kollha f’kamra waħda. Illum għadha teżisti din il-kamra. Kien joqgħod ministru hemm. Id-dar ta’ fuqna kienet kbira, għax fiha kien joqgħod persuna li kien sinjur kbir”, ikompli jgħidilna George.

Jispjega li “imbagħad morna ġo post ieħor.  Konna ngħixu ġo post fi sqaq. Konna ngħixu ma’ familja li kienu kollha barbiera. Konna ngħidulhom tal-leħja u tax-xagħar.  Kellhom il-ħanut fejn kien hemm il-venda tal-karozzi tal-linja. Konna ngħixu f’kamra ukoll u jien kont inmur l-iskola tas-sorijiet ġoż-Żurrieq. Għamilt il-praċett fil-Knisja ta’ San Ġakbu fiż-Żurrieq stess.” 

Ikel fil-gwerra kien hemm nuqqas? …”le qatt ma naqasna l-ikel”

Lil George ma nistgħux ma nistaqsuh dwar ir-realtà tal-ġuħ u nuqqas ta’ ikel. Jgħidli mill-ewwel li “le, l-ikel qatt ma naqasna.  Ommi u missieri kienu għamlu ħbieb ħafna mal-ġirien t’hemm. Ma kienx hemm ħafna nies. Malajr għamilna ħbieb. Fejn konna noqogħdu f’din il-kamra ħdejha kien hemm ħanut tal-inbid. Wiġi kien jismu. Filgħaxija  kienu jmorru xi ftit jieħdu l-inbid u kien ikun hemm wieħed idoqq l-kitarra. Għamilna ħbieb minn hemm. Dan kellu l-karozzin u kien jinżel bil-karozzin il-belt. Jien kont ninżel fejn ilum hemm l-iskola taż-Żurrieq, kont nistennieh biex intellagħulu jien iż-żiemel għal  ġo l-istalla tant kemm konna ħbieb.”

“Missieri qatt ma niżel fix-xelter….’kien jgħid jekk iridni jeħodni minn hawn’

Jitkellem dwar il-ħajja fix-xelter u l-attakki. “Niftakarni ninżlu fix-xelter. 

Missieri niftakru qatt ma niżel ġox-xelter. Hu u ziju, li jiġi hu ommi kienu ħaffru xelter fejl id-dar iż-Żurrieq. Hu qatt ma niżel fih.  Dejjem  qagħad fuq is-sodda wiċċu ‘lfuq. Niftakru jgħid jekk irid jeħodni, jeħodni minn hawn.  Aħna konna ninżlu. 

Darba konna se ngħerqu. Dań ġara li ġiet bomba  u naħseb laqtet xi main tal-ilma. Aħna konna fix-xelter u imtlejna sa spallejna bl-ilma. Lili għollewni ‘lfuq peress li kont għadni żgħir. Ġew u salvawna. Imma imbagħad ix-xelter ma baqgħax  jintuża għax imtela’ bl-ilma.”

“Morna ngħixu Raħal il-Ġdid… dħalt it-Tarzna”

George jirrakkuntalna li “imbagħad ommi sabet post Raħal il-Ġdid u ġejna noqogħdu hawn. Jien dħalt l-iskola ta’ St Michael. Din l-ewwel kienet il-Marsa u imbagħad marret l-Imrieħel. Għamilt l-eżami u għaddejt.  Missieri, kien  baqa’ jdoqq. Ma kienx idoqq fil-baned imma fil-ballijiet. Kien idoqq il-kurunetta.” Jgħidilna li l-isturment għadu għandu u anke l-irċevuta ta’ kemm inxtara. Jgħidilna li kienet l-ewwel kurunetta li inbiegħet mill-ħanut ta’ Boffa. 

“Domt 40 sena it-tarzna….għal 35 sena ħdimt fil-ħanut tat-‘torn’”

“Dħalt it-tarzna.  Dom naħdem hemm 40 sena u sitt xhur. Għamilt  sitt snin apprentistat u qbadt is-sena tat-tornijiet.  Ġara li kienet ħarġet aplikazzjoni għax riedu xi nies mal-‘electricians’ u jien għedt ħa nitfagħha. Għal din l-applikazzjoni ħadd ma applika u mill-ewwel bagħtu għalija. Għamilt sitt hur oħra nitħarreġ. Kont niċċippja l-ħadid u nillima. Għaddew ukoll. Wara bdejt indur ma’ tat-telefon. Dejjem indur sitt xhur sitt xhur. Fl-aħħar spiċċajt f’ħanut u dan kien xogħol ta’ fuq il-bank. Konna naħdmu fut pompi kbar b’mutur. 

Kien jinġabu hemm Bier jiżżarmaw u jitnaddfu. Għamilt fih aktar minn 35 sena. Il-ħanut kien f’Bormla fejn kien  illum hemm il-Baċir Numru 1.  Niftakar meta dħalt fil-bidu kienu tawna  biċċa xogħol biex magħmluha. Għamilniha u ħadna l-paga. Il-paga kienet ta’ lira u xelin fil-ġimgħa. Għadda iż-żmien u din il-paga bdiet titla’. Fl-1966 kienet saret l-elezzjoni ġenerali. Kienu saru xi diskussjonijiet u żdidna. Il-paga kienet ġiet 7 liri u xelin. Dak iż- żmien iżżewwiġt.”

“Niftakar inċident fejn bugħaddas qabdu l-iskrun u miet”

George jgħidilna li “inċidenti fit-tarnza ma kellix. Peress li kont naħdem f’ħanut ma tantx kien hemm inkwiet. Spiccajt qabel iż-żmien. Dan għax kienet ħarġet skema għal min ried jitlaq. Dak iż-żmien, it-tfal kollha kont żewwiġthom u meta ħarġet l-iskema lil mara kont għedtilha se nitlaq u tlaqt. Kif tlaqt, eżatt xahar wara sploda  il-bastiment tal-Um el Faroud. Fit-Tarnza kien hemm traġejda li baqgħet f’moħħi. Niftakar traġedja ta’ bugħaddas. Meta jidħol vapur fil-baċir kien jinżel bugħaddas biex jara sorġiex fuq l-istrippi. Dan ħalla  ballast pump biex jikkontrolla l-bastiment. Pajp minnhom qabadlu mal-propeller u qatlu”.

Irvellijiet tas-sena 1958… konna nisimgħu kollox u konna ngħidu se jattakkaw hemm jew hawn

Ġrajja li George jiftakar sew għalkemm ma kienx fiha direttament kienet dik tal-irvellijiet tas-sena 1958. Dakinhar kien seħħ l-istrajk ġenerali. George jirrakkonta li “jien dak inhar kont ma’ tat-telefon. Fejn kont konna nirċievu it-telefonati ta’ kull stazzjon li kien hemm fid-dockyard ta’ kull bieb . Keien hemm erba’ bibien. Wieħed Isla, wieħed Bormla, ieħor Bormla isfel u dak ta’ Għajn Dwieli. Kull min kien iċempel minn hemm konna nisimgħu kollox. U aħna  konna qisna spiji  biex ngħidu se jattakkaw hemm u se jattakkaw hawn.  L-irvellijiet imma ma kontx fihom”.

“Fl-Indipendenza qlajt xebgħa”

Nistaqsuh dwar l-Indipendenza u jgħidilna bla tlaqlieq li “fl-Indipendenza qlajt xebgħa. Jien kont fejn illum hemm l-istatwa tal-Indipendenza. Kont waħdi.  Kelli flokk blu tas-suf. Kont qed indur u l-Pulizija dawruni u wieħed minnhom qalli ‘għandek bżonn xi ħaġa. X’int tħares” u f’daqqa waħda ġew għadd ta’ Pulizija. Qabduni, qalgħuli l-flokk u tawni daqqa ta’ sieq fl-istonku. Tlaqt niġri. Telquni għax kont waħdi. Kienu ħasbu li qiegħed ma’ xi grupp ta’ nies. Jien qatt ma kont inkun f’meetings, la ma Mintoff u ma ħadd. Dan għax ommi u missieri kienu jimlewli rasi għax sebaħ u dałam. Ħbieb ma kellix.”

Tajjeb wieħed iżomm f’moħħu li dakinhar taċ-ċerimonja tal-Indipendenza  fil-Belt Valletta kienu saru protesti kbar mill-Partit Laburista immexxi mill-Perit Dom Mintoff, liema protesti kienu komplew filgħaxija. 

Filfatt filgħaxija waqt iċ-ċerimonja tal-Indipendenza f’nofs il-lejl, għadd ta’ partitarji Laburisti li kienu ħdejn ir-railings ta’ ħdejn il-lukanda Phoenicia bdew jibbuwwjaw malli l-banda Ingliża daħet fil-Parade Ground.  Forza qawwija ta’ Pulizija  daħlet fejn il-partitarji u ħarġuhom ‘barra.  Inċident ieħor inqala’ għall-ħabta ta’ nofs il-lejl, meta kienet nieżla l-bandiera Ingliża. Xi partitarji oħra għamlu xi rimarki u l-Pulizija daħlu fost in-nies u ħarġu xi rġiel ‘barra.  Meta xi nies ipprotestaw il-Pulizija taw salt u baqgħu sejrin bihom sal-funtana ta’ Putirjal.  Il-Perit Mintoff u mexxejja oħra tal-Partit Laburista kienu fost partitarji Laburisti  n-naħa tal-lukanda Phoenicia u kien imdawwrin minn ringiela ta’ pulizija. 

Intant matul il-ġurnata tal-20 ta’ Settembru, is-suppost defile storiku li kellu jiġi organizzat mill-Gvern Malti bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza ġie mibdul  f’dimostrazzjoni Laburista li fiha inqalgħu ħafna inċident bejn partitarji Laburisti, Nazzjonalisti u numru kbir ta’ Pulizija.  Għadd ta’ partitarji  Laburisti ġew arrestati u Supretendent tal-Pulizija ġie ferut b’daqqa ta’ mus taħt l-istonku tiegħu.

Interdett….niftakar qassis b’loud speaker isaħħan lin-nies

Lil George nistaqsuh dwar l-interdett. “Dażgur li niftakar”, jgħidli bla tlaqlieq George. “Niftakar meta ġew is-Soċjalisti.  F’Raħal il-Ġdid niftakar kien hemm sede kienu jgħidulu il-Youth Centre. Minn hemm kien joħroġ wieħed b’loud speaker u dan kien joqgħod isaħħan in-nies. Dan qassis kien. Niftakar nies jiġru ‘lhemm u ‘lhawn.  Lili ma kontx tarani mal-merħla.  Kien kont nara biss. Niftakar ġlieda mal-Pulizija it-telgħa tal-ħabs. Magħhom kien hemm wieħed nafu Ċikku, kien idoqq il-bumbardun. Kien miż-Żejtun. Kien Pulizija u meta kien qed jirrakkontali, għedtlu x’xebgħa qlajtu u hu irrispondieni ‘iva qlajna xebgħa nobis”. 

Jissokta

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport