Tuesday, September 23, 2025

“Salvu sparali” … il-vittma identifika lill-allegat aggressur ftit wara li sparalu 

Aqra wkoll

Ir-raġel li nqatel fi sparatura li seħħet nhar il-Ħadd li għadda fil-Birgu, kien hu stess li ddikjara mal-Pulizija min kien l-allegat agressur li sparalu waqt li kien ferut fuq il-post bid-demm ħiereġ.  Huwa qal lil Pulizija; “Salvu sparali”. 

Dan ħareġ dalgħodu fil-Qorti meta tressaq il-Qorti Salvu Mangion ta’ 70 sena resdienti Birgu li qed mixli bil-qtil ta’ Kyle Mifsud minn Bormla li kellu 33 sena. 

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija ġiet infurmata li nhar il-Ħadd għall-ħabta tas-1:00 p.m., fi Triq il-Qalb ta’ Ġesù kien hemm persuna b’ħafna demm titlob għall-għajnuna. Qalet li meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu lil vittma  jitkarrab bl-uġigħ fit-taraġ tal-komun b’ferita f’żaqqu. 

Waqt li kienet qed titkellem il-prosekuzzjoni, l-akkużat infaqa’ jibki. Ingħad li l-akkużat ittieħed l-isptar Mater Dei u meta l-Pulizija marret fiż-żona magħrufa Tal-Ħawli sabu lil iben l-akkużat. Qalet li meta ġie arrestat l-akkużat il-vittma kien għadu ħaj.

Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono staqsiet jekk kienx minnu li sentejn ilu l-vittma, instab ħati li daħal jisraq mid-dar tal-akkużat, bil-Prosekuzzjoni kkonfermat dan. 

Il-Prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-familja ta’ Mifsud. Hawn l-avukat Debono rrimarka li “dan bilkemm jiflaħ jiċċaqlaq”. Il-Qorti aċċċettat it-talba u wissiet lill-akkużat li ma jistax jagħmel kuntatt mal-membri tal-familja. Fakkritu li jekk jikser din il-kundizzjoni jaf jeħel multa ta €7,000 jew ħabs.

Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkein mal-Ispetturi Steven Gulia, Keith Rizzo u Francesca Maria Calleja. Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport