Sunday, December 22, 2024

Sam Cassar u Francesca Clark fit-tielet post fl-Israel Open 2022 u aktar riżultati tajbin għall-Maltin

Aqra wkoll

Sam Cassar u Francesca Clark irnexxielhom jitilgħu fuq il-podju fil-Yonex Israel Open 2022  wara li rnexxielhom jaslu sas-Semi-Finali fil-kategorija Mixed Doubles. Rebħiet oħra għall-plejers Maltin li jagħmlu dan it-tournament wieħed ta’ suċċess għall-atleti tal-Akkademja Nazzjonali ta’ Badminton Malta.

10 plejers mill-Akkademja Nazzjonali ta’ Badminton Malta vvjaġġaw għall-Israel Open 2022 li sar bejn is-27 u d-29 ta’ Ottubru flimkien mal-kowċis Matthew Haynes u Patrick Cassar.

Fl-ewwel logħoba Isaac Ellul li għamel id-debutt tiegħu fis-Singles tal-Irġiel fil-livell internazzjonali tal-kbar fir-rawnds ta’ kwalifikazzjoni li iżda sfortunatament tilef kontra Ofir Belenki (ISR) 14-21, 11-21.

Fil-main draw tal-Mixed Doubles fir-round ta’ 16 iż-żewġ koppji ġodda, Isaac Ellul & Lauren Azzopardi u Matthew Galea & Ann-Marie Bezzina tilfu fi straight sets kontra koppji aktar stabbiliti minn Iżrael. Fiż-żewġ logħbiet l-oħra Sam Cassar & Francesca Clark u Mark Abela & Michaela Ellul it-tnejn rebħu l-logħob tagħhom ukoll kontra koppji Iżraeljani 21-19, 21-17 & 21-19, 21-16 rispettivament biex jgħaddu għall-kwarti tal-finali.

Kien imiss imbgħad lil Michaela Ellul u Francesca Clark li fis-singles tan-nisa it-tnejn tilfu fir-rawnd ta’ 32 fi straight sets kontra Pissi (CYP) u Lurie (ISR) li wkoll rebħet lil Lauren Azzopardi fir-rawnd ta’ 16 wara l-bye tagħha fl-ewwel rawnd. Ann-Marie Bezzina tilfet kontra t-tieni seed Pelupessy (SWI) filwaqt li Bergelson (ISR) għelbet kemm lil Elenia Haber fir-round tat-32 kif ukoll lil Sarah Azzopardi fl-aħħar 16. Fis-Singles tal-Irġiel Sam Cassar rebaħ il-partita tiegħu fi straight sets 21-16, 21-14 kontra Shawn Grinblat (ISR) iżda mbgħad tilef fl-aħħar 16 mat-tmien seed May Bar Netzer (ISR) 21-13, 21-12. Matthew Galea beda d-debutt fix-xena internazzjonali b’partita memorabbli ta’ 49 minuta kontra SILUK (ISR) iżda sfortunatament tilef wara li fit-2 logħba rebaħ 25-23 wara li kien 20-13 minn taħt, bl-iskor finali 22- 24, 25-23, 19-21.

L-aħħar logħob fl-ewwel jum kienu id-doubles. L-aħwa Sarah u Lauren Azzopardi tilfu kontra koppja Ċeka 9-21, 12-21 fir-round ta’ 16 filwaqt li fir-round ta’ 16 wkoll tad-Doubles tal-Irġiel Isaac Ellul & Matthew Galea tilfu 21-11, 21-12 fl-ewwel logħba li lagħbu flimkien u Sam Casar & Mark Abela rebħu l-partita tagħhom 21-14, 21-15 u għaddew għall-kwarti tal-finali.

Fit-tieni jum intlagħbu il-kwarti tal-finali b’Malta jkollha 5 logħbiet filgħodu. L-ewwel kien imiss il-mixed doubles b’Mark Abela & ​​Michaela Ellul jiffaċċjaw is-seeds numru 2 mill-Iżvizzera fejn taw dak kollu li setgħu iżda ġew megħluba 21-5, 21-10 għalkemm kellhom ħafna mumenti tajbin tul il-logħba. Fil-court maġenbhom kien hemm Sam Cassar & Francesca Clark li kienu qed jiffaċċjaw lill-koppja Iżraeljana, bl-ewwel set ikunu viċin ħafna u rebħu 22-20. Imbagħad fit-tieni set żiedu r-ritmu biex reħbu 21-7 u assiguraw post fis-semi-finali u fuq il-podju. Francesca Clark u Michaela Ellul għamlu d-debutt tagħhom bħala koppja f’dan il-livell u lagħbu kontra l-ewwel seeds Żvizzeri li kienu wisq veloċi u qawwija u tilfu f’żewġ sets. Mark Abela & ​​Sam Cassar kellhom jaffaċċjaw lit-tieni seeds minn Iżrael, konfront li kien taqtiegħa kontinwa li iżda finalment spiċċaw fin-naħa t-telliefa 18-21, 21-23. L-aħħar partita tas-sessjoni tal-kwarti finali ta’ filgħodu rat lil Elenia & Ann-Marie jitilfu kontra l-istess koppja Ċeka b’saħħitha li għelbu lill-aħwa Azzopardi l-ġurnata ta’ qabel.

L-aħħar partita tat-tournament għall-Maltin fl-Iżrael kienet is-semi finali tal-Mixed Doubles kontra l-ewwel seeds mill-Isvizzera. Wara bidu bil-mod il-par Malti beda jsib ftit kontroll fil-logħba u fiż-żewġ sets lagħbu punti missielta iżda fl-aħħar mill-aħħar raw lill-koppja Żvizzera aktar b’saħħitha tirbaħ 21-7, 21- 8.

B’mod ġenerali riżultati u prestazzjonijiet tajbin ħafna mill-plejers, ħafna mill-plejers jiddebuttaw f’dan il-livell għoli ta’ kompetizzjoni u ħadu esperjenza siewja għall-iżvilupp tagħhom li jkunu jistgħu jużaw fil-kompetizzjoni li jmiss għal ħafna minnhom li se tkun il-Future Series li ser issir f’Malta (Kottonera) bejn it-8 u l-11 ta’ Diċembru 2022.

Ekonomija

Sport