Saturday, November 23, 2024

Sam Sammut … Karriera ta’ 47 sena fil-ġurnaliżmu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn Maria Azzopardi

Il-ġurnalist veteran Sam Sammut, magħruf ukoll bħala Sammy minn bosta ħbieb u kollegi, kien bniedem li dejjem ta pariri tajba, dejjem bid-daħka fuq wiċċu u kellu pinna tassew impekkabbli. Huwa ħalla din id-dinja nhar l-Erbgħa 5 ta’ Awwissu, proprju fil-ġimgħa tant għażiża għalih li hija dik ta’ San Gejtanu. Apparti minn hekk in-neputi tiegħu qal li kien raġel fuq l-irġiel b’qalb tad-deheb u supporter tal-Manchester United.

Magħruf bħala ġurnalist serju b’karriera importanti ħafna ta’ 47 sena, huwa ta ħafna kontribut permezz tal-kitba tiegħu filwaqt li dejjem kien lest biex jaqsam din l-esperjenza rikka mal-kollegi tiegħu. Tant huwa hekk li bosta persuni sostnew li din hija tassew telfa kbira għall-ġurnaliżmu. Il-ħaddiema, il-management tal-Union Print u l-ħaddiema tal-General Workers’ Union isellmu l-memorja tiegħu.

Sam beda jaħdem mal-ġurnal tal-knisja, Il-Ħajja, fl-1973 u l-editur ta’ dak iż-żmien, Charles Buttigieg, qal lil dan il-ġurnal li t-telfa ta’ Sammy tnikktu sew ukoll. “Għadni niftakru dieħel quddiemi għall-intervista biex jingħaqad ma’ Il-Ħajja. Dak iż-żmien daħlu hu u Ray Bugeja (li wara sar l-editur ta’ The Times). Kien ta’ sodisfazzjon għalija narahom dejjem mexjin ‘il quddiem,” qal Buttigieg.

Fl-1979, Sam beda jaħdem bħala reporter mal-Union Press u ħadem ukoll bħala kap tal-aħbarijiet għal diversi pubblikazzjonijiet tal-istess kumpanija. Aktar informazzjoni dwar il-karriera tiegħu fil-ġurnaliżmu jagħtihilna Frans Ghirxi, eks Editur ta’ L-ORIZZONT, fejn jirrakkonta l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu fl-1976 meta Sam kien għadu jaħdem għall-ġurnal tal-Knisja, Il-Ħajja. Ghirxi jirrakkonta kif Sammy kien iffissat fuq il-festa u b’mod partikolari fuq il-Każin t’Isfel tal-Ħamrun. “Min qatt kellu jgħidlu li kellu jħallina proprju fil-ġimgħa ta’ San Gejtanu,” qal Ghirxi.

Frans Ghirxi: Is-Sammy kien bniedem leali lejn il-ġurnal

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Frans Ghirxi li jirrakkonta kif tard l-Erbgħa filgħaxija rċieva telefonata li ħallietu bla kliem fejn sema’ l-aħbar kerha li Sammy kien miet. “Ksaħt u ma flaħtx inwieġeb. Lil Sammy iltqajt miegħu l-ewwel darba f’Mejju 1976. Kont għadni kemm bdejt fin-Newsroom tal-Union Press u bagħtuni nirrapporta mill-Qorti. Hemmhekk iltqajt ma’ Sammy, allura reporter għall-ġurnal tal-Knisja, Il-Ħajja. Għeni immens fil-proċeduri tal-Qorti. Ingranajna flimkien mill-ewwel ġurnata.”

Ghirxi żied jgħid li, “Għadda ż-żmien u meta jien avvanzajt fil-karriera ġurnalistika ngħid b’sodisfazzjon li kont strumentali biex lis-Sammy ġibtu magħna l-Union Press. Ħadem dejjem miegħi fin-Newsroom u kien anke Deputy tiegħi meta kont Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet. U meta sirt Editur ta’ l-Orizzont kien ingħata l-kariga li kelli jien u allura bqajna sinkronizzati waħda sew.”

Ghirxi sostna li Sammy kien bniedem leali lejn il-ġurnal, bniedem li ma jiddejjaq jaħdem qatt, jikkontribwixxi kemm jista’ u kemm jiflaħ u jipprova jgħin lil kulħadd. “Kif konna ndaħħlu lil xi ħadd ġdid x’aktarx li kien jirrikorri għand is-Sammy ukoll. Jekk ikollu għalfejn jilmenta aktarx li kien jilmenta quddiem mera. Tiksirha miegħu biss jekk ifettillek tgħidlu jidħol xogħol fil-ġimgħa ta’ San Gejtanu.”

Ghirxi temm jgħid li l-aħħar li tkellmu flimkien kien ftit tal-ġimgħat ilu. “Bħas-soltu, tkellimna fuq ħafna affarijiet, inkluż il-gazzetti. Tlift ħabib ieħor. Strieħ fis-sliem ħabib.”

Eks Kollega: “Ħalliena ħabib ieħor li għallimni ħafna”

Bosta kollegi u eks kollegi oħra tal-Union Press ingħaqdu fil-kondoljanzi lill-familja tiegħu. “Ħallejtna bla kliem Sammy illejla. Kelli unur kbir li ħdimt għal ħafna snin miegħek, desk ma’ desk. Ħafna mill-esperjenzi li tani x-xogħol, nafhom lilek. Grazzi tal-paċenzja li ħadt bija u tal-gwida li dejjem tajtni. Insellimlek,” qalet l-eks kollega Charmaine Craus.

Eks kollega ieħor, Kurt Farrugia, kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook: “Ħalliena ħabib ieħor li għallimni ħafna. L-ewwel darba li tajtu storja għal L-Orizzont – student għadni nibda ġurnalist – poġġa ħdejja u qalli: ”ma jgħallmukomx ġurnaliżmu l-Università” u l-istorja ġabieli trietaq. Daħak is-soltu daħka tiegħu u mar ipoġġi fuq id-desk tiegħu. Kultant kien jaħraqni meta kien jerfa’ spalltu u jitfali l-istejjer li nkun ili naħdem fuqhom fil-qiegħ tal-fajl. “Itfagħha hemm”. Imma kont napprezza kliemu. Kont napprezza l-kitba tiegħu. Kont nisimgħu. Kien idaħħakni meta kien ikun ciniku. Raġel tad-deheb. Pinna impekkabbli.”

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sellmet il-memorja u tat il-kondoljanzi lill-familjari u l-kollegi tas-Sur Sammut filwaqt li kollegi oħra sostnew li l-esperjenzi u l-emozzjonijiet ta’ snin twal se jkunu qed iġorruhom magħhom tul ħajjithom kollha.

Emmanuel Farrugia: Sammy kien maħbub minn kulħadd u ta’ qalb tajba ħafna

Wieħed mill-ħbieb tal-qalb ta’ Sammy, Emmanuel Farrugia, tkellem ma’ dan il-ġurnal fejn esprima d-dispjaċir kbir għat-telfa tiegħu filwaqt li ddeskrivih bħala bniedem maħbub minn kulħadd u ta’ qalb tajba ħafna. Farrugia tkellem dwar kif Sammy, li għal xi żmien kien fil-kumitat tal-Każin ta’ San Gejtanu l-Ħamrun, kien dejjem jgħin b’xi kitba u dan kien ta’ kontribut kbir. Iż-żewġt iħbieb kienu jiltaqgħu fi tmiem il-ġimgħa biex jgħidu kelmtejn. “Meta kont ngħidlu li għandi bżonn xi kitba jew xi ħaġa, mill-ewwel kien jagħtini daqqa t’id. Kien ħabib tal-qalb ħafna. Fil-fatt nhar il-Ħadd kien miegħi u t-Tnejn meta ma rajtux beda jħassibni ħażin. It-Tlieta lanqas u mbagħad l-Erbgħa ċemplitli oħtu u ettilha li l-aħħar li kellimtu kien il-Ħadd. Domt ħafna inċempillu fuq il-mowbajl imma kollu għalxejn. Niżel ħuħ u l-istess qal li mhux qed iwieġbu u etlu jifqgħu l-bieb il-ġewwa… Jifqgħu l-bieb il-ġewwa u jsibuh mejjet fl-art,” rrakkonta b’emozzjoni Farrugia.

L-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 issellem il-memorja tiegħu

Apparti mill-karriera ġurnalistika ta’ 47 sena, Sammy kien Tamli ta’ qalb kbira. Għal numru ta’ snin huwa kien membru tal-Kumitat tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 u serva bħala Assistent Segretarju. Ħajtu kollha kien involut fil-Kummissjonijiet tal-Każin u fl-aħħar rwol tiegħu kien parti mit-tim ta’ reviżuri li kienu jieħdu ħsieb l-accounts tal-Każin. Huwa baqa’ attiv sal-aħħar mumenti tiegħu tant li sa ftit jiem ilu stess kien għadu kif ħa l-aħħar rapport dwar ir-rendikont tal-flus li kellhom.

Bħala Soċjetà qalet li għandhom memorji sbieħ ħafna tiegħu tant li kulħadd jinsab tassew ixxukjat bl-aħbar tal-mewt tiegħu.  “Sammy kien iħobbu ħafna l-Każin u kien ikun hawn spiss. Kont dejjem tarah fl-entratura jew fil-bieb isellem lil kull min jidħol. Sammy kien bniedem ta’ ftit kliem imma b’qalb kbira.”

Il-paġna ‘Ir-regatta Tradizzjonali tagħna l-Maltin’ ukoll sellmet il-memorja ta’ Sam u qalet li kemm ilu mwaqqaf il-grupp dejjem kien parteċipi b’kummenti, avviżi kif ukoll ritratti storiċi. 

Sport