F’logħba mid-Diviżjoni Premier tal-Kampjonat BOV tax-Xitwa tal-Water Polo, San Ġiljan kisneu rebħa kbira ta’ 25-9 kontra Valletta, f’partita li s-Saints ddominaw mill-bidu sat-tmiem. L-aqwa skorer għall-Ġiljaniżi kien il-captain Matthew Zammit b’ħames goals, waqt li Ken Erdogan spikka għat-tim mill-kapitali meta rreġistra hat-trick personali.
F’partita oħra, Sirens ħasdu lil Neptunes meta għelbihom bl-iskor ta’ 14-12, bl-aqwa skorer għat-tim minn San Pawl il-Baħar ikun Isaiah Riolo li rreġistra poker personali, waqt li għat-tim mill-Balluta spikka bħas-soltu l-captain Stevie Camilleri li rreġistra hat-trick personali.
Intant, fl-Ewwel Diviżjoni, kien hemm konfront dirett min-naħa ta’ isfel tal-klassifika, b’Barracudas jegħlbu lil Otters bl-iskor ta’ 10-7. Għal Barracudas spikkaw il-captain Andrew Magri, Luke Bowman, Liam Pursehouse u Luca Schiavone li rreġistraw doppjetta personali, waqt li għal Otters l-aqwa skorers kienu Bence Bebok u Steve Dimech li wkoll skorjaw żewġ goals kull wieħed.

