Saturday, December 21, 2024

San Ġorġ Preca ul-Iskola ta’ Betlem

Jikteb Robert Aloisio

Aqra wkoll

Aktar ma wieħed jistudja l-kitbiet ta’ Dun Ġorġ Preca (1880-1962), aktar wieħed jagħraf kemm dan is-saċerdot qaddis Malti mar fil-qalba tal-Fidi Nisranija: id-devozzjoni kbira tiegħu lejn il-Misteru tat-Trinità Qaddisa u lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni. 

Dan tal-aħħar, jekk toqgħod taħseb fuqu sew – kif Alla li hu tant kbir, jiċċekken daqshekk, għall-bniedem li naqsu – għandu jimla lin-Nisrani b’sens ta’ rikonoxxenza kbira lejn dan Alla “li ħabbna qabel ma ħabbejnieh aħna.”

Dun Ġorġ u l-Misteru tal-Inkarnazzjoni

Il-Fundatur tal-MUSEUM, sa minn kmieni, kien miġbud ħafna lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni u ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li dan il-misteru kien suġġett ta’ spiss fil-meditazzjonijiet tiegħu. F’waħda mill-ewwel laqgħat tiegħu mal-Qaddej t’Alla Ewġenju Borg, qabel ma beda formalment is-Soċjetà MUSEUM, huwa beda jispjegalu l-ewwel 14-il vers tal-ewwel kapitlu ta’ San Ġwann li jittratta proprju fuq dan il-misteru kbir.

Fl-1918, imbagħad, ġietu l-idea li l-membri tal-għaqda tiegħu jġibu dejjem fuq sidirhom l-istqarrija “Verbum Dei caro factum est” L-Iben t’Alla sar bniedem). Sentejn wara, ħoloq id-Dimostrazzjoni bix-xbiha ta’ Ġesù Bambin fit-toroq tal-bliet u l-irħula ta’ Malta. Lill-membri riedhom jitħejjew għall-festa kbira tal-Milied billi proponielhom novena li, skont hu, l-awtur tagħha kien San Gejtanu Thiene.

Skola

Imma, aktar tard, biex il-festa tal-Milied isservi ta’ aktar ġid spiritwali għall-membri, Dun Ġorġ ħejja ktejjeb li tah l-isem L-ISKOLA TA’ BETLEM, li jiġbor fih 14-il tagħlima speċjali li Ġesù Tarbija jagħtina mill-grotta ta’ Betlem.
Fl-isem tal-ktieb insibu l-kelma “Skola”, kelma li l-Fundatur tal-MUSEUM kien iħobb jużaha ta’ spiss, u nsibuha wkoll fit-titli ta’ żewġ kitbiet oħra: L-Iskola Kattolika, u L-Iskola tal-Manswetudni. Jużaha wkoll fil-ktieb Ir-Rużarju tal-Madonna mqassam għal ħmistax-il Sibt, fejn, wara li jirrakkonta l-ġrajja marbuta ma’ kull wieħed mill-misteri, huwa jagħtina sitt mistoqsijiet u tweġibiet fuq xi virtù jew tagħlima marbutin mal-misteru konċernat.

Jinqeda wkoll bl-istess kelma fil-fuljetti Skola ta’ Kristu għall-Magħżulin (X’jgħallimna Kristu fl-Iskola tiegħu), Skola ta’ San Pawl Appostlu fuq Alla għall-Magħżulin (X’idea jagħtina San Pawl fuq Alla) u Skola ta’ San Pawl Appostlu fuq Ġesù Kristu għall-Magħżulin (X’jgħallima San Pawl fuq Kristu).

Fl-iskola l-istudent jitgħallem tagħlim siewi għal ħajtu u proprju għalhekk Dun Ġorġ jinqeda bil-kelma “skola” f’dan il-ktieb li qed nitkellmu fuqu u f’kitbiet oħra.
Marbuta mal-iskola hemm ukoll il-kelma l-oħra ‘skular’ li ħierġa minnha u li Dun Ġorġ jużaha wkoll ta’ spiss, anzi, ġeneralment, minflok il-kelma ‘dixxiplu’, hu ġneralment juża ‘skular’. Dun Ġorġ kien jisħaq ta’ spiss biex inkunu skulari ta’ Kristu, jiġifieri nitgħallmu fl-iskola tiegħu u nsiru dixxipli ta’ dan ”l-Imgħallem wieħed tal-bnedmin.” Huwa kellu ferm għal qalbu s-sentenza ta’ Ġesù: “Itgħallmu minni għax jien għandi qalbi mansweta u umli”.

L-Iskola ta’ Betlem

Il-ktejjeb L-Iskola ta’ Betlem inkiteb, probabbilment fit-tieni deċennju tas-seklu għoxrin. Jissemma fl-ewwel ħarġa ta’ Kalendarju Museumin, rivista għas-soċji tal-MUSEUM li għadha toħroġ sal-lum, fil-ħarġa ta’ Diċembru 1930, fejn taħt id-data 25 ta’ Diċembru, insibu dan il-kliem:

“A.M. Inkorporazzjoni tas-Soċji ġodda fil-Qasam Ċentrali. P.M. fit-3 kulħadd madwar Ġesù Bambin li jkun qiegħed f’nofs il-Kappella għal L-Iskola ta’ Betlem. – N.B. Jekk akkawża tax-xita l-proċessjoni ma saritx il-bieraħ, għandha ssir llum wara L-Iskola ta’ Betlem.”

Dan l-istess avviż baqa’ jidher kull sena sal-1936. Minnu jidher li, oriġinarjament, il-ktieb kien jinqara kollu kemm hu nhar il-festa tal-Milied, wara nofsinhar. Dan baqa’ jsir hekk sal-Milied tas-sena 1947 kif jidher fil-Kalendarju Museumin Diċembru 1947.

Isir ktejjeb tan-Novena tal-Milied

Fl-1949, fil-Kalendarju Museumin ta’ Diċembru il-ktejjeb Skola ta’ Betlem deher bħala suppliment fil-paġni tan-nofs b’mod li seta’ jinqala’ għalih. U f’din it-tieni edizzjoni tal-ktejjeb, fin-noti li tqiegħdu quddiem hemm li l-ktieb kellu jinqara matul in-Novena tal-Milied: paġna waħda kuljum fl-ewwel erbat ijiem, u tnejn kull darba fil-ħamest ijiem ta’ wara.

Il-paġni kienu jinqraw bħala l-aħħar materja tal-Assenjatur (laqgħa ta’ formazzjoni ta’ siegħa kuljum li s-soċji jagħtu lil xulxin) ordinarju matul il-ġimgħa, u baqa’ jsir hekk sas-snin disgħin, meta għal matul il-ġranet tan-Novena tneħħa l-Assenjatur ordinarju ta’ matul il-ġimgħa u beda jiġi assenjat biss il-qari minn L-Iskola ta’ Betlem. Dan kien ġie deċiż mill-amministrazzjoni tal-MUSEUM sabiex matul il-jiem qrib il-Milied il-membri jikkonċentraw biss fuq tagħlim miġbud minn Ġesù Tarbija.

Xebh ma’ Il-Ktieb il-Kbir

Inti u taqra l-Iskola ta’ Betlem ma tistax ma tosservax il-parallelliżmu li hemm bejn dan il-ktieb u ieħor ferm aktar bikri minnu, Il-Ktieb il-Kbir. F’dan tal-aħħar, għandna 50 tagħlima miġbuda mill-meditazzjoni fuq Ġesù Msallab; f’L-Iskola tal-Betlem għandna 14-il tagħlima biss, miġbudin mill-meditazzjoni fuq Ġesù Tarbija, li għal kull waħda minnhom jqiegħed tliet sentenzi relattivi meħudin mit-Testment il-Ġdid, u jagħlaqhom bi Proponiment.

Is-suġġetti trattati huma varji: Jibda billi jurina li t-Tarbija ta’ Betlehem hija l-Iben ta’ Alla (Paġna 1) imma li hija wkoll bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub (Paġna 2).

Imbagħad Dun Ġorġ jgħaddi biex ikellimna fuq virtujiet li tant jispikkaw f’Ġesù Tarbija, jiġifieri l-Faqar (P. 3) , l-Ubbidjenza (P. 4), il-Manswetudni (P. 11), L-Umiltà (P. 12), is-Silenzju (P. 13) u l-Paċenzja (P. 14). Nagħtu eżempju ta’ waħda minn dawn il-paġni, propju bl-aħħar waħda li rriferejna għaliha, il-virtù tal-Paċenzja.

Ġesù Tarbija jgħallimna l-Paċenzja

“L-iktar għeżież, ejjew nieqfu bil-ħsieb tagħna quddiem l-Imgħallem Divin tagħna, imwieled Tarbija, u nieħdu minnu t-Tagħlim tal-Ħajja Eterna. Kristu mwieled għalina. Ejjew nadurawh.”

“L-iktar għeżież, nitgħallmu mill-Imgħallem Divin tagħna: Il-Paċenzja ta’ Kristu. Infatti — Ġesù Kristu, malli deher fid-dinja, ried jimpressjona lill-bnedmin bl-eżempju tiegħu fuq il-ħtieġa tal-paċenzja li mit-twelid tagħna sal-mewt hija sieħba tagħna li ma tħallina qatt.”

“Il-bard tal-istaġun, il-maxtura tal-annimali, l-għar għal beraħ, il-privazzjonijiet l-oħra tal-kumditajiet jikkonkorru biex imissu ’l dik it-tenera tarbija, li rmiet taħt saqajha, fis-sapjenza Divina tagħha, id-delizzji tal-palazzi, tas-sodod indurati u rotob, il-kotra tas-sefturi u l-ħlewwiet l-oħra temporali. Ħaddnet is-salib tal-paċenzja.”

“Ried bħallikieku jgħid bil-kelma li ħadd ma huwa meħlus mill-eżerċizzju tal-paċenzja u la midneb, u la ebda bniedem predestinat għall-glorja eterna. Lanqas ħadd li jgħix mis-sema ’l isfel fil-kors tan-natura, għax Kristu ewlieni fost il-predestinati li ġie biex ineħħi d-dnub tad-dinja, assoġġetta ruħu taħt il-kors iebes tal-ħajja tal-bnedmin.”

Sentenzi relattivi (ta’ Ġesù Kristu): “Bil-paċenzja tagħkom issalvaw ruħkom.” “Min irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jieħu salibu ta’ kuljum u jimxi warajja.” “U jiena ngħidilkom la tirreżistux lid-deni, iżda min ikun sawtek fuq ħaddejk il-lemin, agħtih ukoll il-ħaddej ix-xellug.”

Proponiment: “Nipproponu li nwaħħluha tajjeb f’rasna li m’hemmx triq oħra għall-paċi ħlief il-paċenzja.”

Id-Dinjità tan-Nisrani

Suġġetti oħra trattati fl-Iskola ta’ Betlem huma: Kemm tal-biża’ l-ħruxijiet tal-infern (P. 5), In-Natura Qarrieqa (P. 6), il-Providenza ta’ Alla (P. 7), id-Dinjità tan-Nisrani (P.8), il-Fedeltà u l-Ħniena ta’ Alla (Pp. 9-10). Nagħtu eżempju ieħor ta’ paġna mill-Iskola ta’ Betlem, dik dwar id-Dinjità tan-Nisrani.
“L-iktar għeżież, ejjew nieqfu bil-ħsieb tagħna quddiem l-Imgħallem Divin tagħna, imwieled Tarbija, u nieħdu minnu t-Tagħlim tal-Ħajja Eterna. Kristu mwieled għalina. Ejjew nadurawh.”

“L-iktar għeżież, nitgħallmu mill-Imgħallem Divin tagħna: id-Dinjità tan-Nisrani. Infatti — Ġesù Kristu, veru Alla, libes b’opra tal-Ispirtu s-Santu minn Omm Verġni, in-natura ta’ bniedem sustanzjali, u deher fostna bniedem tassew veru dixxendenti ta’ Adam, bħala wieħed mill-aħwa tagħna.”
“Kull bniedem jista’ jgħid fil-veru sens li għandu b’ħuh il-veru Alla, billi f’Ġesù Kristu ma hemmx ħlief persuna waħda u din divina għalkemm hemm fih żewġ naturi — divina u umana. Anki hu stess minn qabel, b’ħalq il-profeta David fis-salm 21, ma staħax isejjaħ aħwa tiegħu lill-bnedmin xħin qal: ‘Inħabbar l-isem tiegħek lil ħuti’.”

“Lanqas ħadd mill-anġli ma għandu raġun bħall-bniedem li jgħodd ’l Alla b’wieħed minn ħutu. Waqa’ l-bniedem fid-dnub u Alla refgħu, għamlu ibnu, werriet tal-glorja eterna. O kobor tad-dinjità tan-Nisrani!”
Sentenzi relattivi: “Issa ma ngħidilkomx sefturi, għax is-seftur ma jafx x’jagħmel sidu.

Jiena għidtilkom ħbieb għax għarraftilkom kulma smajt mill-Missier tiegħi.” “Jekk xi ħadd iħobbni iħares kliemi, u Missieri jħobbu, u niġu għandu u ngħammru għandu.” (Ġesù) “Permezz ta’ Ġesù Kristu Alla tana wegħdiet kbar u wisq prezzjużi sabiex intom issiru msieħba tan-natura divina.” (San Pietru)
Proponiment: “Nipproponu li ngħixu b’mod li ħadd ma jkun jista’ jċanfarna billi niftakru fil-kbira dinjità li Alla tefa’ fuqna permezz ta’ Ibnu li nissejħu ulied, ħbieb u soċji tal-Kbir Alla.”

Nifhmu t-tifsira vera tal-Milied

Mingħajr dubju, din il-kitba ta’ San Ġorġ Preca tgħinna biex fil-ġranet tal-Milied nidħlu fil-qalba tat-tifsira proprja tal-Milied, jiġifieri kemm ħabbna Alla li bagħtilna lil Ibnu biex isalvana u jagħmilna aħwa tiegħu, u kif għandna nfasslu ħajjitna fuq dik ta’ Ġesù biex tassew nogħġbu lil dan Alla tagħna li min-naħa tiegħu, fi kliem John Formosa, ma setax jagħmel aktar biex jarana ngawdu għal dejjem miegħu.
Ħajr lil John Formosa, soċju tal-MUSEUM li kien ħafna viċin Dun Ġorġ, li għaddieli l-artiklu – li fuqu jien bbażajt l-artiklu tiegħi – li huwa kien kiteb fl-2010 imma li qatt ma laħaq ippubblika.

Għaddihuli permezz tal-email, tlett ijiem biss qabel ma miet, nhar il-31 ta’ Awwissu 2019. Nieħu l-okkażjoni biex nawgura l-Milied it-tajjeb lill-qarrejja kollha.

Ekonomija

Sport