Thursday, April 18, 2024

San Pawl il-Baħar ra l-ikbar żieda fl-atti vandali fuq il-vetturi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għadd ta’ toroq fejn il-karozzi jkunu pparkjati qegħdin ikunu mmarkati minn vandali li jieħdu pjaċir jagħmlu l-ħsara lill-istess vetturi. Ir-residenti u min jipparkja l-karozza tiegħu fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar ilhom jilmentaw b’tali vandaliżmu u fil-fatt din il-lokalità hija waħda mill-aktar postijiet f’Malta li minnha joħorġu tali rapporti. F’din iż-żona biss hemm medja ta’ 11-il każ fix-xahar. Dan ifisser li f’inqas tlett ijiem, karozza fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar tisfa mira ta’ atti vandali.

Din l-informazzjoni u aktar, ħarġet mill-Parlament fejn ġiet ippreżentata statistika ta’ każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar. L-istatistika tkopri minn Mejju tal-2021 sa Ottubru tal-2022 fejn f’dan il-perjodu ta’ 18-il xahar dawn it-tliet lokalitajiet fit-Tramuntana ta’ Malta kellhom total ta’ 247 ta’ vetturi li ġew ivvandalizzati. 

It-toroq li fihom isir il-vandaliżmu…

Jekk wieħed iħares lejn il-perjodu ta’ bejn Mejju 2021 u April 2022 jara li l-aktar lokalità li fiha saru atti vandali fuq vetturi hija dik ta’ San Pawl il-Baħar b’total ta’ 123-il każ. L-aktar triq li fiha saru dawn il-ħsarat illegali kienet dik ta’ Port Ruman b’total ta’ 13-il waħda. 13-il każ ieħor seħħu f’toroq mhux magħrufa mentri tmienja oħra fi Triq J. Quintinus. F’dan il-perjodu l-aktar triq ikkonsidra sigura fir-rigward hija Telgħet ix-Xemxija fejn għajr każ wieħed f’Mejju ta’ 2021, din ma kellhiex aktar rapporti ta’ vandaliżmu fuq vetturi. 

It-tieni l-aktar lokalità li kellha tali każijiet bejn dawn it-tlieta kienet il-Mellieħa b’total ta’ 17 bl-aktar li seħħu kien f’Ġunju tal-2021 fi Triq il-Kbira. Fil-każ tan-Naxxar f’dawn it-12-il xahar kien hemm 12-il każ, medja ta’ wieħed kull xahar. L-atti vandali fuq il-vetturi f’din il-lokalità jirriżultaw pjuttost sporjadiċi fejn pereżempju fi Pjazza Darnino, Triq San Pawl u fi Triq Birguma sa Marzu tal-2022 qatt ma kellha każijiet ta’ dan it-tip. Imbagħad, f’April tal-2022 it-tlieta li huma kellhom każ wieħed kull wieħed. 

Filwaqt li aktar riċenti, jiġifieri bejn Mejju u Ottubru ta’ din is-sena għal darb’oħra l-akbar ammont ta’ każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi kienu f’San Pawl il-Baħar b’total ta’ 76-il wieħed. Triq Port Ruman għal darb’oħra ssemmiet bħala l-aktar triq b’każijiet simili (4) u magħha Dawret il-Gżejjer bl-istess ammont. Sadanittant, 18-il att vandalu fuq il-karozzi f’din il-lokalità saru fi triq mhux magħrufa.

Fl-istess sitt xhur tal-2022 il-Mellieħa kellha każijiet aktar min-Naxxar fejn irriżultaw li kienu 13 u sitta rispettivament. Fil-Melllieħa l-aktar triq li fiha seħħu atti vandali fuq vetturi kienet Triq il-Marfa mentri fin-Naxxar kien il-Magħtab b’żewġ każijiet f’Ġunju li għadda. Fil-Mellieħa t-toroq kollha l-oħra li fihom kien hemm vetturi li sfaw ivvandalizzati tul is-sitt xhur ta’ bejn Mejju u Ottubru li għadda, kellhom każ kull wieħed. Fin-Naxxar barra l-Magħtab, ukoll.

Xejra pożittiva fin-Naxxar

Meta nqabblu l-andament tal-istess xhur ta’ Mejju, Ġunju, Lulju, Awissu, Settembru u Ottubru fis-sena 2021 ma’ dawk tas-sena 2022 naraw li hemm żieda ta’ atti vandali fit-tliet lokalitajiet. F’San Pawl il-Baħar f’dawn ix-xhur fl-2021 it-total kien ta’ 51 biex fl-2022 tela’ għal 76-il każ. Fil-Mellieħa wkoll kien hemm żieda, din id-darba ta’ ħames każijiet fuq is-sena preċedenti. Mentri, fin-Naxxar minn erba’ atti vandali fuq vetturi bejn Mejju u Ottubru ta’ din is-sena, dawn saru sitta.

F’dawn l-aħħar xahrejn kien hemm xejra pożittiva fin-Naxxar fejn la f’Settembru u lanqas f’Ottubru ta’ din is-sena ma ġew rrapportati każijiet ta’ ħsarat magħmula apposta fuq il-karozzi fiż-żona. 

Ekonomija

Sport