Mitlub jikkummenta ma’ dan is-sit dwar il-vot ta’ sfiduċja tal-eks Viċi President Eva Kaili, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li ma kienx hemm alternattiva oħra ħlief li dan isir.
Huwa qal ukoll li huwa minnu li persuna tibqa’ preżunta innoċenti sakemm misjuba ħatja, iżda qal li dak huwa ġudizzju legali, mentri dak politiku jirrigwardja xi ħaġa kompletament differenti. Dan anke fl-isfond ta’ ċertu dikjarazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tagħha.
Madanakollu huwa kkummenta dwar il-passi meħuda mill-awtoritajiet Belġjani li sostna li ma jistgħux jiġu kkontestati. Huwa qal li minbarra li jemmen li ma kienx hemm triq oħra, il-votazzjoni kienet waħda li titkellem waħidha b’wieħed biss kontra u tnejn li astjenew.
Rigward l-impatt fuq il-kredibbiltà tal-Parlament Ewropew u anke l-Partit Soċjalista, Sant qal li fl-opinjoni onesta tiegħu ma jemminx li għadna smajna kollox u anke l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom jibdew jista’ jsaħħaħ dan il-ħsieb tiegħu. Qal ukoll li anke l-mod ta’ kif qed jiġi spustat dan il-każ qed iqajjem ħafna mistoqsijiet, filwaqt li huwa stat ta’ fatt li hemm ħafna affarijiet li għadhom mhux ċari. Fejn jidħol il-grupp tas-Soċjalisti, Sant qal li iva dawn jinsabu demoralizzati u ma kinux qegħdin jistennew xi ħaġa bħal din speċjalment meta kienu qed jimbuttaw ċertu standards.
Il-każ ta’ Kaili …
It-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jtemm il-mandat tal-Viċi President Eva Kaili. Dan wara li l-Membru Parlamentari Ewropew Griega flimkien ma’ tliet suspettati oħra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew akkużata b’korruzzjoni wara sejba ta’ madwar €1.5 miljun fi flus kontanti fil-pussess tagħhom. Dan l-iskandlu heżżeż il-blokk Ewropew b’sitwazzjoni deskritta tal-mistħija bil-President tal-PE Roberta Metsola tqis dawn il-ġranet bħala żmien diffiċli għad-demokrazija Ewropea.