Monday, December 23, 2024

Sant: “L-aqwa tiġdid hu t-tiġdid tal-imħuħ u tal-ħidma”

Aqra wkoll

Minn MARIA AZZOPARDI

Il-Partit Laburista għażel li jiġġedded u jkollu l-kwartieri tiegħu. Inti kont strumentali biex il-PL jkollu kwartieri ġodda fil-Ħamrun. X’tiftakar mill-proċess tal-bini tal-kwartieri u minn dik il-ġurnata memorabbli għall-Partit Laburista?

Qabel iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun, il-PL diġà kellu l-kwartieri tiegħu. Iddeċidejna li nibnu wieħed ġdid bħala sinjal tal-immodernizzar li l-Partit kellu jgħaddi minnu. Ridna li l-binja ma tkunx iffinanzjata min-negozjanti imma mill-poplu. Għal din ir-raġuni, il-Partit xtara t-teatru tar-Radio City fil-Mile End, il-Ħamrun, li ma kienx baqa’ jintuża, waqqajnieh u tellajna ċ-Ċentru. 

Kienet ħidma twila. Allura ma niftakarx ġurnata waħda memorabbli, imma niftakar fit-tim kbir li għal tliet snin ħadem fil-ġbir ta’ flus mill-poplu; fid-disinnji u sorvelja tal-bini; fl-immaniġjar tal-bini tiela’, fost oħrajn.

In-nies li ħadu sehem fil-biċċa kienu tal-aqwa kalibru u taw mill-aħjar tagħhom. Fihom l-aktar li niftakar. Kienu jgħidulna – qed taraw kbir wisq; mhux se taslu. Bil-ħila ta’ dat-tim kbir li daħal għall-isfida, wasalna.

Wara dawn il-25 sena kif tara l-Partit Laburista qed jiġġedded?

L-aqwa tiġdid hu t-tiġdid tal-imħuħ u tal-ħidma. F’das-sens il-PL baqa’ jiġġedded matul is-snin. Baqa’ proġett b’miri marbuta dejjem mal-għajtiet Laburisti – tal-ħobż u l-ħelsien; tal-paċi u l-progress. It-tiġdid hu kruċjali imma bl-ebda mod ma jrid itellef mill-identità politika tal-Partit Laburista – dik li l-Partit jeżisti biex jiddefendi u jħares l-interessi tal-ħaddiema u l-impjegati, tas-self employed iż-żgħar, tal-pensjonanti u tal-familji tagħhom.

X’kienu uħud mill-esperjenzi minn dak iż-żmien li tisħaq li huma importanti u li tibqa’ tiftakar?

Kien żmien li matulu ridna nagħtu direzzjoni ta’ tip ġdid lill-Partit Laburista u fl-istess ħin inkunu qrib iċ-ċittadini speċjalment bla dubju dawk Laburisti, imma mhux biss. Fl-istess ħin li konna qed nixtru u wara nwaqqgħu r-Radio City u bdejna nibnu, konna qed nirriformaw il-One Radio biex isir kollu tal-Partit mhux jibqa’ joint venture mal-privat; konna qed nagħlqu l-istamperija tal-Partit ( esperjenza kiefra għalija għax kont jien li mexxejt il-proġett snin qabel bħala President tal-Partit,imma b’xorti ħażina, ma kienx hemm alternattiva); konna se ntellqu l-ġurnal ġdid tal-Partit,  KullĦadd kull nhar ta’ Ħadd minflok dak ta’ qablu Il-Ħelsien; konna qed inħejju t-tnedija tat-televixin tal-Partit fil-post fejn kienet l-istamperija; u konna għaddejjin b’ħidma biex inġeddu l-politika tal-Partit Laburista fid-diversi oqsma u għalhekk qed niltaqgħu ma’ faxex sħaħ tal-poplu u r-rappreżentanti tagħhom.

Minħabba f’dan mhux possibbli nifred sew ħafna mill-esperjenzi ta’ dak iż-żmien biex inkun nista’ ngħid, dawn huma huma marbuta biss maċ-ĊNL. Imma niftakar f’bosta avvenimenti oħra fosthom il-laqgħat għaddejjin kontinwament man-nies involuti: Jimmy Magro, dak iż-żmien segretarju ġenerali tal-PL u ko-ordinatur ġenerali tal-proġett; il-perit Charles Buhagiar li ddisinja u ssorvelja l-proġett mill-bidu sal-aħħar; Manwel Cuschieri responsabbli mill-ġbir ta’ fondi għall-proġett; Wally Vella Zarb u Alfred Mifsud, responsabbli għal-loġistika u kordianment finanzjarju; Pawlu Lia, jikkura l-aspetti legali. Niskuża ruħi jekk qed ninsa lil xi ħadd. Matul dawk il-laqgħat żammejna l-proġett għaddej u wassalnieh lest bi ftit differenza miż-żmien ippjanat.

Niftakar ukoll fiż-żjarat għall-ġbir ta’ fondi li għamilna mat-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex, fl-ewwel xhur bil-parteċipazzjoni tad-deputati u kandidati Laburisti, li wara birdu xi ftit. Organizzat minn Manwel Cuschieri, b’riħitu ltqajna ma’ eluf ta’ ċittadini li kieku ma konniex narawhom u nisimgħuhom mill-qrib. Jien kont mort għal numru sew ta’ dawn iż-żjarat u nibqa’ niftakar darba filgħaxija fi triq Ħal-Qormi. Resqet waħda xiħa fuqi u qalti, Isma’ ftit, ejja warajja. Daħħlitni fid-dar tagħha, aktar gorboġ qisu, nadif imma fqir. Għolliet kaxxa mill-art u minn taħtha ħarġet ħamsin lira ta’ dak iż-żmien (forsi 115 ewro), flus sostanzjali. Riedet tagħtihomli għall-bini taċ-ċentru u meta għedtilha żżommhom hi għax kellha bżonnhom bilkemm ma ħaditx għaliha. Il-Partit għamel daqstant għalina u ma nagħtihx xi ħaġa lura? Insistiet.

Niftakar ukoll kif fil-bidu Karmenu Mifsud Bonnici li ġie jilmenta miegħi li għażilna t-teatru Radio City tal-Mile End u se nwaqqgħuh. Għalih bħala Ħamruniż, kien qed jiddispjaċih li se jiġri hekk għax it-teatru kien fattur prominenti fil-kultura artistika popolari tal-pajjiż. Fhimt il-punt tiegħu imma ma kienx hemm alternattiva aħjar. Għall-kwartier ġenerali l-ġdid ridna x’imkien lejn in-nofs ta’ Malta.

Niftakar ukoll li l-problema kienet x’se nsemmu l-kwartier ġenerali l-ġdid. Ipprovajna diversi formoli li ma tantx instemgħu tajba u f’kull laqgħa li kien ikolli kważi, kont nistaqsi għas-suġġerimenti. Hekk għamilt waqt laqgħa ma’ ġurnalisti tal-Partit u Evarist Bartolo qal: Il-każini Laburisti fil-lokalitajiet qed insejħulhom ċentri Laburisti lokali; dan għandu jissemma ċ-Ċentru Nazzjonali laburista. Laqat il-musmar fuq rasu.

Ekonomija

Sport