Miktub Minn MELVIN FARRUGIA
L-ewroparlamentari Laburista Alfred Sant mhux konvint li l-volum ta’ investimenti li qegħdin jiġu mobilizzati bħala għotjiet se jkunu biżżejjed, wara li tnaqqsu bi 22% mill-proposta tal-Kummissjoni Ewropea.
F’kumment lil inewsmalta dwar ir-riżultat tad-diskussjonijiet rigward il-pjan ta’ rkupru Ewropew u l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin li ġejjin, Sant qal li t-tul tad-diskussjonijiet hu xhieda ta’ kemm kienet diffiċli biex jintleħaq kompromess. Sostna li fir-realtà, in-negozjati kienu dwar żewġ materji li ddeffsu flimkien: min-naħa l-fond ta’ rkupru Ewropew għal kontra l-effetti tal-imxija tal-Corona virus, u mill-oħra l-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2021-2027.
Qal li l-fond ta’ rkupru ddaħħal b’żieda magħhom fil-kalkoli tal-baġit, fejn il-kompromessi fuq il-fond ta’ investiment tħabblu mal-kompromessi dwar kif kellu jitfassal il-baġit, li dwarhom kien ilhom għaddejjin negozjati. Saħaq li waħda mill-kontroversji li qamu kienet proprju dwar kemm mill-fond ta’ rkupru kienet se tinħareġ bħala għotja u liema parti bħala self lill-istati membri. Għalhekk qal li mhux konvint li l-volum ta’ investimenti li qed jiġu mobilizzati bħala għotjiet se jkunu biżżejjed.
Barra minn hekk, semma kif ċertu qtugħ li se jsir fi programmi tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun perikoluż. Qal li eżempju bilkemm jifhem kif ittieħdet deċiżjoni biex il-vot propost dwar is-saħħa jitnaqqas jew inkella dwar kif il-programm li kellu jgħin biex iżomm l-impriżi għaddejja (Solvency Fund) jitneħħa għal kollox.
Madankollu, Sant qal li fiċ-ċirkostanzi Malta kisbet pakkett tajjeb ħafna. Qal li l-problema hi li xejn mhu prevedibbli, dwar kif il-kriżi li qed naffaċċjaw illum se tiżviluppa. Saħaq li jekk hemm żmien fejn hu tassew veru dak li l-futur mhux bilfors se jkun mera tal-passat, dak iż-żmien hu llum.
Diżgwid li jista’ jkun hemm bejn il-pajjiżi
Mistoqsi dwar x’tip ta’ diżgwid jista’ jkun hemm bejn il-pajjiżi, l-ewroparlamentari qal li bħalissa kulħadd qed ikanta vittorja. Qal li sew jagħmlu, għax iridu jagħtu sentiment ta’ tama fil-futur, apparti li tal-inqas intlaħaq qbil meta ħafna kienu qed ibassru falliment totali.
Madankollu, qal li n-negozjati nfushom daħħlu sentiment li anke quddiem kriżi enormi, dak il-kliem sabiħ li jintqal fl-Ewropa dwar solidarjetà u għaqda jissarraf f’azzjoni siewja bl-aqwa tqanżiħ u jitrenda bin-nieqes.
Ħaġa bħal din qal li se xxenxel sfiduċja u intoppi futuri.
Rigward il-fondi għad-dispożizzjoni tal-baġit Ewropew, Sant qal li fl-aħħar xhur rajna ħafna tbandil fin-negozjati dwar id-deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu. Spjega li l-kejl ġeneralment jittieħed skont kemm għandu jkun kbir il-baġit bħala persentaġġ tal-ekonomija tal-Ewropea kollha kemm hi. Sostna li qegħdin nitkellmu dwar persentaġġ fil-qies ta’ bejn 1 fil-mija u 1.3 fil-mija tal-ekonomija kollha. Madankollu qal li qamu argumenti bla tmiem, fejn il-Kummissjoni pproponiet ċifra; il-Parlament Ewropew ċifra “ħafna” ogħla u l-istati membri jiftehmu fuq waħda “ħafna” inqas.
Sant qal li matul dawn in-negozjati, din id-darba ddeffes fil-baġit fond ġdid ta’ darba minħabba l-imxija tal-Coronavirus. Qal li minħabba f’hekk, biex jintlaqgħu l-esiġenzi tal-fond għall-Coronavirus… jew jekk trid bl-iskuża tiegħu… l-ispiża għall-programmi li jinsabu fil-baġit spiċċat ħafna inqas milli riedu l-Parlament Ewropew u l-Kummisjoni Ewropea.
F’dan l-isfond ta’ tnaqqis sostanzjali fil-baġit Ewropew, li skont Sant isir b’mod “regolari”, ma jarax li hu possibbli li ħafna minn dak li ntqal jitwettaq. Sema fost l-oħrajn bħala eżempju l-ambjent u r-riformi hekk imsejħa “diġitali”. Qal li jista’ jkun u jittama li hu żbaljat.
Finalment qal li bil-ftehim li sar, ħafna mill-esiġenzi jew talbiet tal-Parlament Ewropew ġew injorati kważi għal kollox. Qal li l-Parlament irid li jingħata aktar poteri ta’ sorveljanza fuq kif il-fondi ta’ rkupru ekonomiku jiġu mħaddma u jrid li jkun hemm nefqa qawwija fuq numru ta’ programmi ta’ ħidma. Sant ma jaħsibx li dan se jiġri.