Saturday, December 21, 2024

Santa Marija ta’ Ħal Xluq f’kontroversja

Aqra wkoll

Waħda mill-festi żgħar imma pittoreski ta’ pajjiżna hi l-festa ta’ Santa Marija ta’ Ħal Xluq. Din hi festa li tiġi ċċelebrata f’żona fis-Siġġiewi. Post li hu magħruf għall-kappella sabiħa li għandu u l-madwar li għadu fi stat li meta tmur fih jieħdu f’Malta ta’ żmien ilu.

Fil-kappella issir il-festa ta’ Santa Marija b’attivitajiet fuq barra u anke bid-daqq tal-marċi mill-Banda San Nikola tas-Siġġiewi. Jidher iżda li din is-sena inqalgħet kwistjoni fuq il-prezz tal-banda, u dan wassal biex il-Banda San Nikola kellha tħabbar li ma kinitx se tkun qiegħda tieħu sehem f’din il-festa. Din id-deċiżjoni qajmet rabja fost xi Siġġiewin għaliex riedu li tkun il-banda tas-Siġġiewi li ddoqq f’din il-festa fis-Siġġiewi stess.

Intant il-l-Kumitat tal-Każin Banda San Nikola, f’komunikat li ħareġ informa li “sfortunatament din is-sena il-Banda San Nikola mhux ser tkun qiegħda tagħti is-servizz tagħha waqt il-Festa ta’ Ħal Xluq, u dan wara diskussjonijiet mal-organizzaturi ta’ din il-festa. Filwaqt li dan huwa ta’ dispjaċir għalina nħarsu l’quddiem lejn il-possibiltà li l-banda San Nikola terġa’ ddoqq f’ din il-festa fis-snin li ġejjin. Għall-kjarezza, filwaqt li hu minnu li saru diskussjonijiet fuq il-prezz, fl-aħħar mill-aħħar l-Banda San Nikola xorta offriet servizz bil prezz offrut mill-organizzaturi, imma kienu huma li rrifjutaw li l-Banda San Nikola iddoqq f’din il-festa.”

Minn naħa tagħha il-Kumitat tal-Għaqda tan-nar San Nikola, ħareġ ukoll stqarrija biex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu wara l-istqarrija li nħarget mill-Każin Banda San Nikola dwar il-festa ta’ Ħal Xluq li ser tiġi organizzata nhar is-17 u 18 ta’ Awwissu 2024.

Intqal li “nhar it-Tlieta 13 ta’ Awwissu, ftit jiem biss qabel din il-festa, ġejna avviċinati li l-spiża għas-servizz tal-banda ħa jkun tliet darbiet iktar mis-soltu, minħabba nuqqas ta’ bandisti tal-post u allura riedu jinstabu bandisti oħra bi ħlas.

Bħala kumitat għalkemm nifhmu s-sitwazzjoni, ħassejna li ma kienx floku li nidħlu għal din l-ispiża meta tqis li dan gie kkomunikat lilna biss ftit ġranet qabel. Għalhekk bħala kumitat ridna li nsibu alternattiva fl-istess ilma tal-ispiża tas-soltu u fi ftit ħin irnexxielna insibu alternattiva oħra u għalhekk minflok il-Banda San Nikola ħa jkun hemm grupp ta’ bandisti li offrew li jiġu jdoqqu. Infakkru li l-festa hija organizzata mill-Għaqda tan-Nar San Nikola u l-Każin Banda San Nikola dejjem kienet mistiedna ddoqq f’din il-festa. Napprezzaw li jkollna banda Siġġiewija tieħu sehem f’din il-festa imma bħala għaqda ma nistgħux nidħlu għall-ispiża mitluba.”

Ekonomija

Sport