Santa Venera Boċċi Club rebħu l-kampjonat tat-tieni diviżjoni organizzat mill-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi meta fil-finali tal-play-off huma għelbu lil San Ġwann Boċċi Club 21-9.
Il-logħba bdiet bil-Vendriżi li stabilixxew vantaġġ ta’ żewġ punti iżda b’San Ġwann li mal-ewwel dawru l-iskor favurihom għal 5-2. Minkejja kollox, Santa Venera kienu ferm konċentrati u f’ħin minnhom kisbu disa’ punti li kienu determinanti sabiex iżidu l-vantaġġ tagħhom.
Il-ġugata finali kienet taż-żagħżugħ Kyle Pace li rnexxielu jpoġġi l-eqreb boċċa viċin il-likk sabiex eventwalment jiksbu l-punti meħtieġa.
Fi tmiem il-logħba saret il-preżentazzjoni tat-tazza mill-president tal-Federazzjoni Boċċi is-sur Clinton Saliba.
Il-logħba kienet ikkontrollata mir-referees Dillon Abela u Redeemer Azzopardi.