Thursday, December 19, 2024

Sar l-ewwel impjant ta’ ċippa fil-moħħ ta’ bniedem

... Il-pazjent “qiegħed jirkupra sewwa”

Aqra wkoll

Kienu ħafna dawk xettiċi li Elon Musk, il-biljunarju Amerikan, jirnexxielu jikseb suċċess bil-programm ambizzjuż li kellu li jerġa’ jtella’ l-bniedem fl-ispazju, inkluż astronawti tan-NASA stess. Iżda Musk ma kienx qata’ qalbu u b’perseveranza kif ukoll b’investiment ta’ ġidu kollu, waqqaf l-aġenzija “Space X” u reġa’ tella’ astronawti Amerikani fl-ispazju.

Wara din l-isfida, Musk kompla joħroġ b’ideat revoluzzjonarji fil-qasam tat-teknoloġija u x-xjenza bil-karozzi “Tesla” u l-kumpanija “Neuralink”. Din tal-aħħar għadha kemm ħabbret pass deċisiv li jista’ jibdel il-kamp mediku hekk kif għall-ewwel darba sar l-ewwel impjant ta’ ċippa fil-moħħ ta’ bniedem.

Din l-aħbar ingħatat mill-fundatur “Neuralink” Elon Musk stess permezz tal-pjattaforma tal-midja soċjali “X”, li hija wkoll tiegħu. Musk qal li l-ewwel pazjent uman tpoġġietlu ċippa f’moħħu l-Ħadd li għadda u sal-bieraħ kien qiegħed jirkupra sewwa.

Elon Musk kiteb li, “ir-riżultati inizjali tas-sinjali newroloġiċi mibgħuta miċ-ċippa huma promettenti”. Din l-attività newroloġika fin-newroni tal-moħħ miċ-ċippa hija ta’ tama ġdida għal ħafna pazjenti. L-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa ddeskriva l-funzjoni ta’ din iċ-ċippa bħala trasmissjoni ta’ sinjali elettriċi u kimiċi lejn il-moħħ u l-ġisem.

Is-sena l-oħra l-Amministrazzjoni Amerikana għall-Ikel u l-Mediċini tat permess lill-kumpanija ta’ Musk biex tagħmel l-ewwel testijiet tal-impjanti fuq il-bniedem. Dan huwa pass importanti u kritiku għal “Neuralink” li l-mira tagħha hija li tgħin pazjenti pparalizzati kif ukoll pazjenti bi problemi newroloġiċi oħra.

L-istudju juża robot li b’intervent kirurġiku jpoġġi impjant kompjuterizzat (BCI) fil-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-movimenti tal-ġisem. Min-naħa tagħha din il-kumpanija fil-bidu kienet qalet li l-għan tagħha huwa li twassal biex il-bniedem ikun jista’ jikkkontrolla l-keyboard bil-ħsieb biss.

Tant huwa hekk li dan l-ewwel prodott ta’ “Neuralink” se jingħata l-isem ta’ “Telepathy” (telepatija). Tul dan l-istudju se ssir analiżi ta’ kemm il-proċess u r-riżultati miksuba huma siguri għall-pazjenti li titpoġġielhom iċ-ċippa.

Ekonomija

Sport