Thursday, May 16, 2024

Sarkofagu misjub fir-Rabat għall-wiri f’esebizzjoni dwar ir-ritwali tal-mewt fi Żmien il-Feniċi

Aqra wkoll

Sarkofagu tal-ġebel ta’ Żmien il-Feniċi li ġie skavat is-sena li għaddiet f’Għajn Klieb, fil-limiti tar-Rabat, huwa fost l-attrazzjonijiet ewlenin f’wirja li għadha kemm tnediet fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.

Il-wirja tippreżenta r-riżultati ta’ xhur ta’ riċerka bir-reqqa minn tim multidixxiplinarju li qed jistudja s-sarkofagu u żewġ oqbra oħra misjuba fl-qrib, kif ukoll il-kontenut tagħhom. It-tliet oqbra, għalkemm differenti minn xulxin, jixħtu dawl fuq ir-ritwali tad-dfin tal-ewwel Feniċi li għexu f’Malta.

Sarkofagi huma twiebet tal-ġebel jew tal-fuħħar li rari ħafna jinstabu minnhom fl-
arkeoloġija Maltija, tant li l-aħħar sarkofagu li nstab qabel dan kien ’il fuq minn 300 sena ilu. Is-sarkofagu esebit fil-wirja kien instab b’mod aċċidentali f’qabar imħaffer fil-blat, waqt li kienu qed isiru xogħlijiet biex jgħaddu servizzi ġodda fl-2001. Dak iż-żmien kien ġie deċiż li s-sit ma jintmessx u jiġi ppreservat kif inhu iżda fl-2020, minħabba l-bżonn ta’ aktar xogħlijiet biex ikomplu jissaħħu s-servizzi infrastrutturali fil-post, ittieħdet id-deċiżjoni li s-sit jiġi investigat b’kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet ħalli jintużaw ir-riżorsi kollha disponibbli minħabba r-rarità tas-sejba.

L-entitajiet involuti kienu s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Heritage Malta u d-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta. Flimkien huma ħolqu tim ta’ arkeologi, osteologi, esperti tal-fuħħar, konservaturi u xjentisti tad-dijanjostika li qed jistudjaw fil-fond kemm l-oqbra nfushom kif ukoll l-għadam u oġġetti oħra li nstabu fihom.

Il-wirja Iltaqa’ mal-Feniċi ta’ Malta għandha l-għan li tipprovdi lill-viżitaturi ġabra fil-qosor tax-xogħol ta’ riċerka li sar s’issa fuq dan il-proġett. Barra minn hekk, il-qabar li ġo fih instab is-sarkofagu qed jitpoġġa fil-kuntest usa’ taċ-ċimiterju qadim fl-inħawi ta’ Għajn Klieb u Għajn Qajjet fir-Rabat li kien jintuża mill-ewwel Feniċi li għexu f’Malta mal-2700 sena ilu.

Fit-tnedija tal-wirja, Owen Bonnici, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, qal li din il-wirja, u wirjiet oħrajn bħalha, ibexxqulna tieqa fuq il-passat li, bħalma spiss jiġri, jintesa xi ftit fir-rutina tagħna. “Grazzi għal dawn l-esebizzjonijiet, jitwettaq wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Heritage Malta li tinterpreta l-istorja ta’ pajjiżna u tikkomunikaha mal-viżitaturi, kemm lokali u kemm barranin,” qal Dott. Bonnici.

Is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali, Kurt Farrugia, irrimarka li wara din l-iskoperta ta’ qabar b’sarkofagu, is-Sovrintendenza dejjem fittxet b’mod proattiv li tassigura li jittieħdu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata s-salvagwardja sħiħa ta’ din l-iskoperta.

Fl-ispirtu ta’ dan, is-Sovrintendenza daħlet f’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u l-Università ta’ Malta meta nħass li kien wasal iż-żmien li l-qabar jiġi skavat. Is-
Sovrintendenza assigurat li l-aqwa riżorsi u kompetenza fuq livell nazzjonali jkunu disponibbli sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni u l-preżentazzjoni fil-futur ta’ din is-sejba. Il-qabar u dak kollu li nstab fih mhux biss se jkun esebit lokalment b’mod permanenti, iżda se jkun ippreżentat ukoll f’fora akkademiċi internazzjonali.

Il-Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta għas-Siti Feniċi, Rumani u Medjevali, David
Cardona, qal li dan huwa l-qofol ta’ waħda mill-fażijiet ta’ proġett li ilu għaddej snin sħaħ. Ir-rwol ta’ Heritage Malta f’dan l-isforz konġunt ikopri diversi lati.

Membri tal-Field Team tal-aġenzija kienu preżenti b’mod attiv mhux biss waqt l-iskavi tal-qabar iżda wkoll biex is-sarkofagu jinħareġ minn fejn kien. Fost oħrajn, l-aġenzija qed toffri wkoll il-kompetenzi tagħha fir-riċerka, l-analiżi u l-konservazzjoni ta’ wħud mill-artefatti misjuba fit-tliet oqbra li fuqhom qed tiffoka din ir-riċerka. Dan il-proġett ta’ riċerka juri s-siwi kbir ta’ kollaborazzjonijiet bejn it-tliet entitajiet ewlenin tal-wirt kulturali biex l-imgħoddi tagħna jiġi mifhum u r-riżultati jkunu aċċessibbli għal kulħadd. L-aspett ta’ aċċessibbiltà jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin tal-missjoni ta’ Heritage Malta.

Il-Professur Nicholas Vella mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, qal li din kienet l-ewwel darba li sensiela ta’ skoperti eċċezzjonali, li saru b’riżultat ta’ stħarriġ arkeoloġiku ffinanzjat mill-iżviluppatur, ġew investigati daqshekk fil-fond minn tim ta’ speċjalisti mill-entitajiet ewlenin tal-wirt kulturali f’Malta. Dan huwa mudell ta’ kollaborazzjoni li żgur se jkun hawn min jimitah fil-ġejjieni.

Il-wirja tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Ottubru. Id-dħul huwa b’xejn.

Sport