Meta lbieraħ reġa’ beda jiltaqa’ l-Parlament wara l-vaganzi tas-Sajf, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg fl-ewwel okkażjoni li kellu ressaq mozzjoni biex il-Kamra tar-Rappreżentanti tiddiskuti b’urġenza r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar l-art tal-Fortina.
Min-naħa tagħha, il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia kkontestat in-natura urġenti ta’ din it-talba u staqsiet kif rapport li ġie mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra ftit tal-minuti qabel, l-Oppożizzjoni sabet il-ħin biex tagħmel talba bil-miktub biex tinqara’ fil-Parlament ftit minuti wara.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia ta ruling f’dan ir-rigward fejn innota l-istqarrija li ħareġ il-Gvern b’reazzjoni għar-rapport tal-NAO. Filwaqt li ma rax l-element tal-urġenza u b’hekk ma laqax it-talba mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker Farrugia ħeġġeġ lill-awtoritajiet biex fi żmien raġonevoli jindirizzaw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha kif ukoll l-eżitu ta’ kull investigazzjoni kif indikat fl-istess rapport.
Madanakollu, wara li ngħata r-ruling, l-Onor. Naomi Cachia qalet li bħala Gvern ddiskutew internament u kienu qed jipproponu li sal-ħin tal-aġġornament tal-bieraħ kellha ssir diskussjoni xorta waħda dwar ir-rapport mingħajr vot.
F’dan id-dibattitu tkellem fost oħrajn il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici li spjega li mindu sar il-każ sal-lum ġew implimentati numru ta’ riformi importanti. Qal li nħatru Chairperson u Kap Eżekuttiv ġodda fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet, illi għamlu numru ta’ riformi li tejbu s-sitwazzjoni milli kienet fi żmien illi saru l-fatti li dwarhom inkiteb ir-rapport.
Il-Ministru Bonnici semma li f’dan il-każ ir-riformi biex wieħed itejjeb l-operat diġà twettqu minn din l-amministrazzjoni u semma l-mod aktar robust fejn jidħol il-valutazzjonijiet. Huwa enfasizza li “l-Gvern tejjeb, irriforma, mexxa ’l quddiem bidliet u determinati li nkomplu mmexxu ’l quddiem bidliet.”
Kompla jgħid li wara dan ir-rapport, il-Kumitat relattiv li għandu l-għan li jistudja u jagħrbel dak li ppubblika l-Awditur Ġenerali se jkun qed jagħmel ix-xogħol tiegħu. “Ngħid li dejjem hemm l-lezzjonijiet x’wieħed jitgħallem però f’dak il-proċess hekk kif nibdew nisimgħu xhud wara l-ieħor, m’għandix dubju li f’dak l-istadju se jiġi stabbilit illi r-riformi li diġà saru mill-Gvern diġa’ indirizzaw il-bżonn ta’ aktar oġġettività, ċertezza, serenità fil-mod ta’ kif isiru l-valutazzjonijiet u kif jiġu applikati regoli marbuta ma’ tneħħija ta’ kundizzjonijiet li jkunu imposti meta jkun hemm trasferiment ta’ bejgħ jew ċens ta’ proprjetà governattiva jew ekkleżjastika. Hemm se naraw kemm diġa’ twettqu bidliet u riformi,” tenna l-Ministru Bonnici.