Monday, May 20, 2024

Sas-sajf se tidħol fis-seħħ liġi ġdida tal-OHSA li tirriforma l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda għall-konferenza ‘Nagħtu s-setgħa lill-prattikanti tal-OHS: Nistabbilixxu standards ogħla għall-Eċċellenza fis-Sigurtà’,  organizzata mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.

L-għan ta’ din il-konferenza kien li fl-isfond tar-riformi li huma mistennija fis-settur tal-kostruzzjoni, ikomplu jiġu diskussi metodi ta’ kif il-prattiċi tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol jitjiebu sabiex jgħollu l-livell u l-istandards tar-regolamenti li jirregolaw dan is-settur.

Il-Ministru Attard qal li fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, din il-konferenza ġabet flimkien diversi stakeholders biex jiddiskutu t-triq ’il quddiem f’dan is-settur. Huwa nnota s-suċċess ta’ din il-konferenza li ttellgħet f’mument fejn anke l-Gvern qiegħed jimpenja ruħu li fiż-żmien li ġej iressaq liġi li se tkun qiegħda twettaq u tagħmel id-differenza f’dan is-settur b’tali mod li jkollna qafas regolatorju li jirrifletti l-esiġenzi tal-lum.

Il-Ministru fakkar li l-Gvern alloka żieda fil-Baġit Finanzjarju tal-2024 għall-Awtorità u li dan l-investiment huwa maħsub biex l-Awtorità tkun mgħammra b’riżorsi addizzjonali biex issostni operat aktar effiċjenti u effettiv. Spjega wkoll li għaddejja ħidma biex jiġu ingaġġati uffiċjali addizzjonali tal-OHS biex tissaħħaħ il-funzjoni regolatorja tagħha. Huwa stmat li dan il-programm ta’ reklutaġġ se jkun ifisser żieda ta’ 55 ħaddiem ġdid li se jkun ekwivalenti għal aktar mid-doppju tal-workforce eżistenti tal-Awtorità.

Filwaqt li tkellem ukoll dwar l-iffirmar ta’ ftehim li sar ftit tal-ġimgħat ilu bejn l-OHSA u l-Università ta’ Malta, il-Ministru Attard sostna dwar l-importanza ta’ standards għoljin fl-edukazzjoni f’kollaborazzjoni mal-assoċjazzjonijiet biex jitfasslu standards professjonali u gwidi ta’ prattiċi tajba. Il-Ministru Attard saħaq ukoll dwar il-ħtieġa ta’ proċess ta’ kontinwità fit-taħriġ li huwa fundamentali sabiex persuna tibqa’ titqies bħala persuna kompetenti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Dr Josianne Cutajar qalet li kienet tinħass il-ħtieġa ta’ djalogu bejn l-entitajiet konċernati, u dan tixhdu l-attendenza numeruża li kien hemm għal din il-konferenza. Hija nnutat li din kienet l-ewwel inizjattiva tax-xorta tagħha b’kollaborazzjoni bejn l-OHSA, il-MOSHPA, il-UHSP u l-Università ta’ Malta sabiex jitjiebu l-istandards tal-professjonisti f’dan il-qasam. “Fl-isfond tar-riformi fis-settur tal-kostruzzjoni kif ukoll fil-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà, din l-inizjattiva qed tittella’ f’mument kruċjali fejn l-istakeholders jingħaqdu b’għan wieħed u flimkien ifasslu t-triq għal standards ogħla fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq kull post tax-xogħol”, temmet tgħid Cutajar.

Għal din il-konferenza kien mistieden ukoll Dr Shaun Lundy, inġinier Ingliż li spjega kif l-Ingilterra qed tiffaċċja sfidi simili ta’ dawk li għandha Malta fis-settur tal-kostruzzjoni. L-inġinier kompla biex jgħid li l-kompetenza fis-saħħa u s-sigurtà hija stabbilita fil-liġi u li l-akkreditazzjoni tista’ twassal biex persuni jkollhom kwalifiki u esperjenza aħjar. Huwa spjega kif kellu jkun proprju l-inċident tal-Grenfell Tower li wassal sabiex tingħata l-importanza xierqa lil-livell aktar għoli ta’ kompetenza f’pajjiżu.

Il-President tal-MOSHPA, George Steve Darmanin tkellem dwar l-isfidi meta ma jkunx hemm standards fit-taħriġ. Huwa saħaq dwar l-importanza tal-irwol tal-project supervisors u li għandu jkollhom taħriġ kontinwu fil-professjoni.

Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Prof. Godfrey Baldacchino, is-Sur David Saliba u Dr Mary Gauci li mexxew diskussjonijiet fi gruppi dwar reġistrazzjoni ta’ kompetenza, ‘continuous professional development’ u gwidi għall-project supervisors.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport