Tuesday, September 30, 2025

Satoshi qabbel il-qtates ma’ ċertu nisa li huma “Gold-Diggers”

Aqra wkoll

Okamura Satoshi, ir-raġel Ġappuniż ta’ 31 sena li diġà ammetta l-akkużi kollha li wettaq krudiltà fuq l-annimali qal lill-uffiċjal tal-probation li l-qtates huma bħal ċertu nisa li jagħmlu għal flus biex ipaxxu lill-irġiel, dik li huwa sejjaħ “gold diggers”.

Dan ħareġ minn xhieda li ta l-Ispettur Elliot Magro meta kienet qiegħda ssir it-trattazzjoni dwar il-piena quddiem il-Qorti lbieraħ.Fil-qorti, il-prosekuzzjoni qalet li Saroshi għandu jingħata l-piena massima filwaqt li d-difiża qalet li l-Ġappuniż għandu jingħata piena ta’ sentenza sospiża u għajnuna.

Satoshi fost l-oħrajn jinsab akkużat li qatel diversi qtates f’diversi żoni f’Tas-Sliema.

L-Ispettur qal li mhux minnu li l-imputat kien qiegħed jispiċċa jattakka l-qtates minħabba li dawn jagħmlu għalih. Xehed li hemm filmati li juru lill-Gappuniż li qabet qattusa li kienet rieqda. Il-Prosekuzzjoni kompliet tgħid li l-imputat kien involut f’diversi attakki f’perjodu ta’ ġimgħat, li juru prepazzjoni u intenzjoni, inkluż il-preparazzjoni b’ingwantri u ikel tal-qtates.

Aktar minn hemm, l-imputat ipprova jaħrab mill-arrest. Min-naħa tagħha d-difiża qalet li mhux minnu li l-imputat ipprova jaħrab l-arrest, iżda hu ma għarafx lill-uffiċjali tal-Pulizija li kienu pajżana. 

Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat għandu jiġi deportat wara li jiskonta s-sentenza u dan anke jekk jingħata sentenza sospiża. Id-difiża li kienet immexxija mill-avukat Adreana Zammit qalet li l-imputat hu persuna li m’għandu l-ebda rekords ta’ kriminalità u dan kemm f’Malta u anke fejn kien jgħix qabel fir-Renju Unit u fil-Ġappun. Saroshi kien kooperattiv mal-pulizija u ammetta l-akkużi b’mod bikri, u dan għandu jiġi ikkunsidrat bħala fattur mitiganti.

Id-difiża enfasizzat wkoll li l-imputat jeħtieġ għajnuna psikoloġika u kura mentali sabiex ikun jista’ jirriforma lilu nnifsu, u li l-ħabs ma jkunx l-ambjent adattat biex jingħata din l-assistenza. Ġie indikat li Saroshi għadu f’stat ta’ konfużjoni u li għandu jibqa’ jiġi segwit b’monitoraġġ fuq saħħa mentali. Il-ħabs, qalet l-Avukat mhux il-post ideali fehn dan jista’ jsir.

Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-imputat kellu erba’ laqgħat mal-uffiċjal tal-probation u kif l-aħħar laqgħa li qal li kellu xi problemi ma’ missieru. Qabel kien qal li missieru kien kburi ħafna bih u anke għenu fl-edukazzjoni tiegħu. 

L-akkużat, qed jinżamm taħt arrest minn mindu ġie arrestat fl-1 ta’ Awwissu wara sorveljanza mill-Pulizija u identifikazzjoni permezz ta’ deskrizzjonijiet u filmati tas-CCTV.

Is-sentenza tħalliet għal nhar it-Tlieta,14 ta’ Ottubru fid-9.00am. Id-difiża, hija rappreżentata mill-avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-l-Ispettur Eliot Magri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport