Friday, November 15, 2024

Schengen u l-migrazzjoni irregolari diskussi mill-Ministri għall-Intern tal-UE

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, attenda laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Intern fil-Lussemburgu. Il-laqgħa ffukat fuq l-istat ġenerali taż-żona Schengen, it-tisħiħ tal-effettività tal-politika ta’ ritorn tal-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi u l-implikazzjonijiet tal-kunflitti esterni fuq l-UE.

Dwar politika ta’ ritorn, il-Ministru Camilleri saħaq kif sistema ta’ ritorn li taħdem tajjeb hija essenzjali biex jiġi żgurat qafas ta’ migrazzjoni sod, kredibbli u effiċjenti. Filwaqt li nnota s-suċċess ta’ Malta f’dan il-qasam, enfasizzat minn żieda sinifikanti fir-rata ta’ ritorn u numri żgħar ta’ wasliet irregolari, il-Ministru saħaq dwar kif is-sistema attwali ta’ ritorn tal-UE xorta għadha tiġi abbużata minn migranti ekonomiċi li jaslu fi xtutna b’mod irregolari.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Camilleri saħaq dwar il-ħtieġa li ssir riforma tad-Direttiva dwar ir-Ritorn biex tiġi żgurata l-applikazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli u jiġu introdotti konsegwenzi ċari għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jippruvaw ifixklu l-proċeduri ta’ ritorn billi ma jikkooperawx mal-awtoritajiet.

Il-Ministru enfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-Frontex ikollha r-riżorsi u l-mandat meħtieġ biex tkompli tappoġġja lill-Istati Membri, u l-ħtieġa għal aktar kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, filwaqt li nnota wkoll l-importanza li jintbagħtu lura ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkommettu reati jew joħolqu riskju għas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE.

 Il-Ministru Camilleri saħaq fuq l-importanza li titħares is-sigurtà taż-żona Schengen u fl-istess ħin jiġi żgurat li l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jibqgħu l-aħħar għażla li għandha tiġi applikata għall-iqsar żmien possibbli. B’mod partikolari, il-Ministru enfasizza l-ħtieġa li jiġu ffukati l-isforzi fuq il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li nnota li dawn huma sfidi komuni li jeħtieġu approċċ koordinat u msaħħaħ mill-UE.

Ekonomija

Sport