Saturday, November 23, 2024

Scicluna jwissi dwar self li jista’ jwassal għal taxxi ġodda

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wissa li trid toqgħod attent meta tissellef għax ċertu self jista’ jwassal biex il-pajjiż jiġi fi bżonn ta’ taxxi ġodda.

Huwa għamel din it-twissija f’kumment li ta lil inewsmalta meta mitlub jirreaġixxi dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea (KE) li toffri lil Malta €1 biljun f’għajnuna li tikkonsisti fi €350 miljun f’għotjiet u €642 miljun f’self.

Il-Professur Scicluna stqarr magħna li sakemm is-self ma jkunx dak li jissejjaħ ‘bullet loan’, fejn is-somma trid tiġi ritornata f’daqqa fl-aħħar tal-perjodu tas-self, is-self iġib miegħu l-ħtieġa li ssib fondi biex tħallas l-interessi.

Kien hawn li wissa li f’dan il-każ ikollok bżonn iżżid taxxi ġodda u għalhekk saħaq li wieħed irid joqgħod attent qabel ma pajjiż jissellef.

Scicluna semma kif il-KE qed tħares lejn diversi taxxi imma ironikament kollha kemm huma l-agħar rimedju għall-irkuprar tal-ekonomija.

Dwar il-futur tat-tassazzjoni f’pajjiżna Scicluna qal li l-Gvern qed iħares lejn il-konklużjoni tad-diskussjonijiet li qed isiru fuq livell ta’ OECD fejn hemm tentattiv biex jintlaħaq qbil globali.

Huwa sostna li taxxi fuq it-tniġġiż għandhom jitħejjew sew biex pajjiżi żgħar li jiddependu mill-ivvjaġġar u t-turiżmu ma jintlaqtux.

Il-Ministru tal-Finanzi ddikjara wkoll li hemm taxxi ambjentali li huma aċċettabbli għal Malta fosthom dik fuq plastik li ma jistax jiġi riċiklat.

Sport