Saturday, December 28, 2024

Science in the City lura fil-Belt

Aqra wkoll

Science in the City se jirritorna f’Settembru b’xahar mimli attivitajiet  għal kulħadd, li se jwasslu kontenut artistiku ispirat mix-xjenza permezz tal-websajt u l-midja soċjali tiegħu. Se jkun hemm ukoll avvenimenti virtwali u fiżiċi nhar il-Ġimgħa 24 u s-Sibt 25 ta’ Settembru.

Minħabba l-Covid-19 kien hemm il-ħtieġa li ssir reviżjoni sħiħa tal-festival biex jinħoloq avveniment ibridu ta’ festivals fid-dinja reali u live-virtwali li huma mimlijin wirjiet uniċi flimkien ma’ żona Explore the Arches fejn il-kontenut ikun aċċessibbli għal tmiem il-ġimgħa kollha.

L-attendenza hija bla ħlas iżda l-positijiet għandhom jiġu bbukkjati minn qabel. Bosta teatri u postijiet oħra fil-Belt Valletta se jospitaw varjetà ta’ avvenimenti mill-Ġimgħa 24 fl-4pm sas-Sibt 25 ta’ Settembru mill-10am sal-10pm.

Ħames postijiet fil-Belt Valletta, it-Teatru San Duminku, l-iskola Primarja fi ħdan il-Kulleġġ San Ġorġ Preca, is-City Theatre, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Spazju Kreattiv u l-Knisja ta’ Santa Maddalena se jkunu mimlija attività. Kull avveniment huwa wieħed li jqanqal il-ħsieb, maħsub biex ikabbar l-għożża fil-wirt kulturali u naturali ta’ Malta, li jispira lill-udjenza biex tieħu r-responsabbiltà għad-dinja ta’ madwarha, tinvolvihom b’għarfien biex iqanqal ħsieb kritiku u x-xewqa li jsiru aktar attivi fit-tiswir tal-futur tagħhom stess.

Riċerkaturi, kumpaniji privati, assoċjazzjonijiet ta’ studenti mill-Università ta’ Malta, organizzazzjonijiet, artisti u NGOs minn diversi oqsma, ingħaqdu biex jorganizzaw dawn l-avvenimenti t’ ispirazzjoni u involviment. Dawn il-kollaborazzjonijiet għandhom l-għan li jagħtu lil dawk kollha li jattendu mentalità xjentifika u jsiru ċittadini aktar b’saħħithom.

L-MMSA per eżempju se tkun qed tenfasizza l-importanza li tħaddan id-diversità. L-Università ta’ Malta – Proġett FAST, se tesebixxi l-aljeni li invadew il-gżejjer tagħna, il-pjanti u l-annimali li jeqirdu l-ekosistemi indiġeni. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, tintroduċi l-avventura selvaġġa ta’ Ċlikki, il-farfett li jixtieq biss jasal għand il-familja tiegħu.

Long Flutter Home ta’ Ċlikki jenfasizza d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw l-annimali slavaġ ta’ madwarna. Iltaqa’ mal-annimali waqt li jitħabtu biex jgħixu l-bidliet li għaddejja minnhom din il-gżira. John Hinton, kummidjant-kantawtur Ingliż, rebbieħ ta’ diversi premji, se jkun qed jippreżenta għażla ta’ kanzunetti tiegħu li jidħlu fit-tema tal-festival ‘Sowing Seeds’. Is-sett se jinkludi kanzunetta miktuba apposta għall-festival bl-għajnuna ta’ tfal lokali u b’kollaborazzjoni ma’ Nature Trust Malta.

L-installazzjoni Time Traveller’s Dilemma minn SolidEye ta’ Glen Calleja tistieden lill-viżitaturi biex jgħaddu minn portal għal dimensjonijiet oħra. Il-viżitaturi jista’ jkollhom konverżazzjoni ma’ xi ħadd mill-passat, anke mal-imgħoddi jew il-futur tagħhom stess, kif ukoll iħarsu lejn oġġetti li kienu jintużaw kuljum.

Din is-sena se jkun hemm ukoll it-tnedija tal- logħoba l-ġdida tal-festival, il-Logħba tat-Talenti. Iltaqa’ mal-irġiel u n-nisa li jgħixu x-xjenza, ir-riċerkaturi ta’ Malta, fejn il-parteċipanti jippruvaw, bi ftit indikazzjonijiet, jaqtgħu il-professjoni tagħhom.

L-atturi Jeremy Grech u Sean Briffa jippreżentaw ‘The Adventures of the Ammoknights: Moving Megaliths’, prestazzjoni kreattiva madwar l-esebiti neolitiċi fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Bl-użu tax-xjenza u l-loġika dawn iż-żewġ Ammoknights jippjanaw biex jenfasizzaw il-kisbiet kbar ta’ dawn in-nies tal-qedem.

L-MSPCA jippreżenta Caged, ġieħ uman għall-emozzjonijiet tal-annimali kollha maqbuda f’kundizzjonijiet żgħar u inumani. BirdLife Malta qed tikkollabora mal-Kamra tax-Xjentisti Kids Dig Science biex tniedi l-ispettaklu tal-pupazzi fuq il-garnija (Yelkouan Shearwater) li jgħixu fl-irdumijiet tagħna. Fi Spazju Kreattiv, it-tfal jiġu mħeġġa jsibu kif jissalvagwardjaw l-abitat li huwa tant importanti għall-ħajja ta’ dawn l-għasafar maestużi, u Cliff il-fellus b’mod partikolari.

Il-festival ġie ppjanat bir-reqqa biex jiżgura li l-viżitaturi, l-istaff u l-voluntiera jesperjenzaw l-avveniment mingħajr periklu. Dawn u avvenimenti oħra tad-dinja reali se jkunu bilqiegħda b’miżuri ta’ saħħa u sigurtà jiġu implimentati l-ħin kollu. Għal din ir-raġuni, in-numri tal-udjenza se jkunu ristretti u l-prenotazzjoni kmieni hija rrakkomandata permezz tal-websajt ta’ Science in the City u l-midja soċjali.

Science in the City hija parti mil-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej, ċelebrazzjoni mal-UE kollha. Huwa kofinanzjat mill-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea, taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 101036030, Arts Council Malta (ACM) u numru ta’ sponsors korporattivi. Huwa rikonoxxut mill-Ewropa għall-Festivals u Festivals for Europe (EFFE).

Il-konsorzju Science in the City huwa mmexxi mill-Università ta’ Malta u l-Kamra tax-Xjentisti ta’ Malta, bi sħubija mal-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni, Trust Stamp Ltd, Malta Enterprise, MCAST, Qualia Analytics, Esplora, BPC International, SEM, PBS, Spazju Kreattiv, Tech.mt, Aquabiotech, Valletta Design Cluster, Valletta Cultural Agency, The Environment Resource Agency, WasteServ, More or Less Theatre u Keen Ltd.

Għal aġġornamenti regolari jekk jogħġbok segwi l-paġna ta’ Facebook tal-festival: www.facebook.com/ScienceInTheCityMalta | Twitter: @SciCityMalta | Instagram: @scicitymalta | LinkedIN: science-in-the-city-malta | Websajt: scienceinthecity.org.mt

Ekonomija

Sport