Scott Dixon ta’ 48 sena allegatament ippreżenta ċertifikati mediċi għal ġranet li lanqas biss jeżistu. Hu ppreżenta dawn iċ-ċertifikati biex jiġġustifika għala ma kienx mar jiffirma l-għassa skont waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-psikjatra Mark Xuereb ta’ 53 sena u l-boxer Scott Dixon huma mill-ġdid wieġbu mhux ħatja li ffalsifikaw ċertifikati mediċi u li għamlu użu minnhom.
Fost ix-xhieda kien hemm l-eks Assisten Kummissarju Dennis Theuma fejn qal li Dixon kien ilu ma jmur jiffirma l-għassa kif kien suppost jagħmel bħala waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest dwar każ li kien seħħ fl-2009.
Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, inkluż depożitu ta’ €15,000 u garanzija personali ta’ €25,000.
Ix-xhud qal li meta ċċekkja l-ktieb li fih jiffirmaw ma sab ebda ċertifikati mediċi. L-eks Assistent Kummissarju qal li Dixon kien qallhom li kien ippreżenta ċ-ċertifikati iżda l-Pulizija mill-għassa ta’ San Ġiljan kienu tilfuhom.
Min-naħa tiegħu x-xhud qal li kien informa lill-Avukat Ġenerali li l-imputat ma kienx qiegħed jiffirma u kienet saret talba biex jerġa’ jiġi arrestat.
Aktar tard Dixon kien ippreżenta għadd ta’ ċertifikati mediċi fosthom tnejn li jġibu dati tad-29 u 30 ta’ Frar tal-2023. Dis-sena Frar kellu biss 28 ġurnata.
Waqt il-kontro eżami, ix-xhud qal li l-Pulizija qatt ma kienet talbet lill-imputat xi ċertifikati. Id-difiża qalet li l-imputat kien pazjent ta’ Xuereb. Ix-xhur qal li jaf li Xuereb jista’ joħroġ ċertifikati mediċi u qatt ma ġiet investigata r-relazzjoni bejn Xuereb u Dixon.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Darryl Farr. L-avukat Matthew Xuereb deher għal Xuereb. Għal Dixon dehru l-avukati Franco Debono, Michael Sciriha, Roberto Spiteri u Adreana Zammit.