L-Erbgħa filgħodu kien issiġilat ‘Memorandum of Understanding’, illi l-għan ewlieni tiegħu huwa li titfassal strateġija ta’ screening tat-tfal sabiex sa’ minn etajiet bikrija, jiġu identifikati u jintgħarfu diffikultajiet. Dan kemm fl-iżvilupp fiżiku kif ukoll dak intelletwali u b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.
Din hija waħda mill-proposti tal-Manifest Elettorali tal-Gvern, u li permezz ta’ ħidma Inter-Ministerjali bejn il-Ministeri tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva, tingħata għajnuna fl-immedjat lil tfal li jistgħu jesebixxu diffikultajiet personali.
Dan il-ftehim se jwassal sabiex tinħoloq Strateġija Nazzjonali, sabiex tgħin jiġu ddentifikati servizzi ta’ screening lil tfal tat-twelid sa sittax-il sena. L-għan huwa li jintgħarfu sfidi fiżiċi, intelletwali, psikosoċjali, u edukattivi fost oħrajn.
Wara li jkunu identifikati dawn l-isfidi, jkunu implimentati interventi skond l-esiġenzi tat-tfal fil-bżonn t’għajnuna. Din l-EMP se tkun qed titmexxa mill-Aġenzija Appoġġ, b’kooperazzjoni mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Minsiteri rispettivi l-oħra.
Il-Ministru Michael Falzon qal li din il-kooperazzjoni, hija pass ieħor importanti fejn tidħol għajnuna lit-tfal minn etajiet bikrija, dan flimkien mal-politika ħolistika tal-Gvern li qed tagħmel lit-tfal prijorita’ fuq kollox, permezz ta’ riformi kontinwi speċjalment fejn jidħlu tfal vulnerabbli u dawk li jinsabu taħt ordni ta’ protezzjoni.
Il-Ministru Michael Falzon stqarr li l-Minsiteru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, diġa wettaq aktar minn 80% tal-Manifest Elettorali, xhieda ċara tax-xogħol kbir li qed jitwettaq f’dan il-qasam. Fakkar fl-impenn li sar sabiex aktar persuni b’diżabilita inklużi fid-dinja tax-xogħol, speċjalment dawk żgħażagħ.
Il-Ministru Owen Bonnici fakkar li s-settur edukattiv f’Malta dejjem kien minn ta’ quddiem biex jara li kull tifel u tifla tingħatalhom l-istess opportunità sabiex ikunu jistgħu igawdu mill-iktar tagħlim xieraq. Huwa qal: “Bis-saħħa ta’ dan l-MOU se naraw li t-tfal intuhom servizz ħolistiku kif ukoll ikun hemm aktar sinerġija bejn l-oqsma tal-edukazzjoni, tas-saħħa u servizzi soċjali.”
“Dan l-MOU se jservi biex t-tfal jibbenefikaw minn servizzi ta’ assessjar u riferti lejn is-servizzi mhux biss mediċi, iżda wkoll fil-qasam edukattiv kif ukoll dak soċjali. Dan huwa pass importanti ħafna li fl-aħħar mill-aħħar permezz tiegħu se nkomplu nsaħħu u ntejjbu s-servizz edukattiv f’pajjiżna.” żied jgħid Dr Bonnici.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis qal li din l-istrateġija hija turija ċara ta’ kemm il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità. Bis-saħħa ta’ din l-istrateġija fejn se jkun hemm anki Operation Unit fi ħdan l-Aġenzija Sapport, se jibda jsir screening tat-tfal sabiex jingħarfu kemm jista’ jkun kmieni d-diffikultajiet kemm fl-iżvilupp fiżiċi u anki intelletwali li jista’ jkun hemm, bil-għan li jsir dak kollu possibbli għall-aħjar żvilupp ta’ dawn it-tfal. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li permezz ta’ miżuri bħal dawn il-Gvern se jkun qed jibqa’ jiżgura li l-persuni b’diżabilità jkollhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, li s-servizzi offruti lilhom ikomplu jitjiebu u li jiġu eliminati darba għal dejjem il-barrieri għall-aċċessibilità li dawn il-persuni għadhom qed jiffaċċjaw.