Scrolls Productions ħabbret it-tnedija ta’ The Write Note, programm esklussiv għall-iżvilupp tal-artist, iddisinjat biex irawwem kantawturi emergenti permezz ta’ mentorship intensiv, esperjenza professjonali fi studjow, u prestazzjoni live.
Organizzat f’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, Isabella Turso, CPM Music Institute (Milan), u Cornerhouse Studios, il-programm se jittella’ bejn it-3 u s-7 ta’ Settembru 2025 fit-Teatru Manoel il-belt Valletta, u Cornerhouse Studios f’Ħal Lija.
Mibni fuq il-ħsieb ta’, Il-Mużika Tiegħek. Il-Vuċi Tiegħek. Il-Mument Tiegħek., l-inizjattiva tagħti ċans lil grupp ta’ artisti biex jirċievu taħriġ ta’ livell internazzjonali fil-kitba tal-kanzunetti, kif tippreżenta xogħlok fuq il-palk, u kif tirrekordja l-mużika, bit-taħriġ jilħaq il-fulkru b’kunċert live fuq il-palk storiku tat-Teatru Manoel.
“Dawn il-mentors ħarrġu wħud mill-artisti ewlenin fl-Italja. L-għarfien u l-esperjenza tagħhom joffru informazzjoni imprezzabbli lil dawn l-artisti emerġenti hekk kif jibdew dan il-vjaġġ fil-karriera mużikali tagħhom,” qalet Stefania Grech Vella, id-Direttur Artistiku ta’ Scrolls Productions.
Mentoring Team tal-Ogħla Stoffa
Il-parteċipanti se jaħdmu fil-qrib ma’ professjonisti ta’ fama u suċċessi internazzjonali. Andrea Rodini, magħruf għal X-Factor Italia u The Voice of Italy, ħadem ma’ artisti primi bħal Mahmood, Arisa, u Noemi. Tommaso Ferrarese, il-Kap tad-Dipartiment tal-Kant fl-Istitut CPM Music f’Milan, huwa magħruf għal Area
San Remo u li daq madwar id-dinja ma’ Cece Rogers. Il-pjanista u kompożitriċi Isabella Turso, hija rinomata għall-kollaborazzjonijiet tagħha maċ-ċellista Tina Guo, rapper Dargen D’Amico, u l-poeta nnominat għal Emmy, IN-Q.
Selezzjoni Selettiva
Biex tipparteċipa f’dan il-programm trid tgħaddi minn proċeduri ta’ selezzjoni bbażati fuq biografija artistika qasira, demo ta’ xogħol oriġinali (komplut jew għadu qed jitlesta), u stqarrija ta’ motivazzjoni. Is-selezzjoni finali ssir mill-professjonisti Taljani. Dan jassigura li l-parteċipanti jirċievu mentorship tal-ogħla livelli u b’attenzjoni individwali.
Matul il-ħamest ijiem tal-programm, l-artisti se jitħarrġu fil-kitba tal-kanzunetti, l-aspett performattiv u kollaborazzjoni mal-mużiċisti stabbiliti Maltin, Ryan Paul Abela, Luke Grech, Melchior Busuttil u John Cutajar, biex magħhom jiżviluppaw il-kanzunetta tagħhom, li mbagħad idoqquha live (mal-band) fuq il-palk tal-
Manoel.
Opportunità Internazzjonali
Parteċipant promettenti li jintagħżel mill-ġurija waqt il-kunċert, se jingħata premju li se jagħti spinta internazzjonali lilll-karriera tagħhom: prestazzjoni fit-teatru ta’ CPM Music Institute f’Milan, waqt l-Open Week ta’ Crea Musica, bit-titjira għal żewġ persuni mħallsa. Ir-rebbieħ se jkollu wkoll l-opportunità jdoqq ‘pre-
show performance’ għall-kunċert Rockwired ’25 ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fid-29 ta’ Novembru 2025.
L-applikazzjonijiet għal The Write Note huma miftuħa. Il-postijiet huma limitati.
Għal aktar informazzjoni żur www.scrollsproductions.com/productions.
Dwar Scrolls Productions
Scrolls Productions hija entrapriża kreattiva bbażata f’Malta, impenjata li twassal esperjenzi teatrali u mużikali tal-ogħla kwalità, filwaqt li trawwem talent artistiku fil-ġenerazzjoni żagħżugħa. B’enfażi qawwija fuq kollaborazzjoni internazzjonali, il-kumpanija tgħaqqad artisti Maltin u internazzjonali biex joħolqu proġetti
kreattivi li jmorru lil hinn mill-fruntieri kulturali u jsaħħru l-udjenzi.