Nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’ kellha storja mifruxa fuq l-aħħar paġna tagħha intitolata Minister tells film commissioner he should not have been in promo film – Clayton Bartolo says Johann Grech assured him it will not happen again. Ngħid għalija storja li lili ħallietni b’ħalqi miftuħ. U ngħid għaliex ħallietni b’ħalqi miftuħ.
L-istorja ddur madwar il-Kummissarju tal-Kummissjoni Maltija tal-Films, Johann Grech, u film promozzjonali qasir li jippromwovi ħidmet din il-Kummissjoni li potenzjalment jista’ jgħin biex tinħadem f’Malta serje dwar il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Ġie rappurtat, u ma jidhirlix li dan ġie kontestat, li din il-produzzjoni ġiet tiswa mill-inqas €500,000. Imma ċ-ċirasa fuq il-kejk jidher li kienet li fost l-atturi ta’ din il-produzzjoni kien hemm il-Kummissarju tal-Films innifsu, Johann Grech.
Tali eventwalità urtat lil bosta, inkluż lill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, li għamilha ċara li mhux biss ma qabilx ma’ dan imma li saħansitra ‘ħataf’ lil Grech għad-deċiżjoni tiegħu. Anke jekk il-Ministru jsostni li wieħed għandu jara l-istampa sħiħa. Min-naħa tiegħu, skont il-Ministru Bartolo, Grech assigurah li ħaġa bħal din ma kinetx se tirrepeti ruħha. Tarax! Possibbli li Johann Grech huwa daqstant insensittiv!? M’għaddilux minn moħħu li kien se jispiċċa fil-mira ta’ min l-uniku skop li għandu huwa li jagħmel ħsara lill-Gvern? Li joskura lill-Gvern.
L-infiq li sar fuq numru ta’ snin fuq din l-industrija, anke jekk finalment kien ta’ benefiċċju għall-ekonomija ta’ Malta u għen biex tissaħħaħ din in-niċċa ekonomika, ma kienx żgħir. Johann Grech ġie kritikat bil-qawwi dwar dan bħalma ġie daqstant ieħor kontestat bil-qawwi s-suċċess miksub. Akkużi kontinwi ta’ sparpaljar ta’ flus. Kritika qawwija li spiss issir fil-konfront ta’ Johann Grech tinkwadra f’akkużi ta’ nuqqas ta’ kontabilità, nuqqas ta’ trasparenza dwar infiq ta’ miljuni, u li hemm min jista’ qed jonfoħ dan is-suċċess b’mod sproporzjonali u li ma jirriflettix l-istampa kollha. Kritika li ma bdietx ilbieraħ u li allura l-Kummissarju tal-Films jmissu jikkunsidra aktar minn mitt darba qabel kull pass li jkun se jieħu. Johann Grech irid iżomm f’moħħu li mhux qed jitratta xi ħaġa tiegħu personali, finanzjata minn flusu, imma xi ħaġa li hija finanzjata minn flus il-poplu. Aktar minn hekk għandu jkun innotat il-mod li bih inġibdet widnejn il-Kummissjoni tal-Films mill-President tar-Repubblika fid-diskors tagħha fl-okkażjoni tal-Mediterrane Film Festival ta’ ftit jiem ilu.
Il-President tar-Repubblika għamlet enfasi fuq l-importanza li jista’ jkollha l-industrija tal-films Maltija, irrikonoxxiet dan, u rreferiet għall-budget ta’ kważi €40 miljun li ġew allokati din is-sena għaliha. Il-President tar-Repubblika enfasizzat il-punt li dawn huma flus il-poplu u li l-prinċipji tal-kontabilità u t-trasparenza ma jistgħux ikunu sottovalutati. Valuri li flimkien mal-għoti tal-informazzjoni jservu biex toktor il-fiduċja tal-poplu f’din l-industrija. Ovvjament il-President tar-Repubblika rrimarkat b’dan il-mod għax konxja minn dak li ilu jingħad.
Imma allura għaliex hawn min bħal donnu lanqas jirrealizza li qed jilgħab f’idejn min jara kif jaħtaf kull xagħra possibbli biex jattakka lill-Gvern? Jew jirrealizza imma jiġi jaqa’ u jqum minn dan kollu? Kemm se jdum ‘jingidem’ il-Gvern Laburista? Kemm se jdum iħalli lil min jisparalu f’saqajh? Kemm se jdum jagħti opportunitajiet bħal dawn fuq platti tal-fidda? Meta se jitgħallem?
Il-monopolji huma biss saħta
Forsi żbaljat fil-ġudizzju tiegħi, imma dejjem emmint li kull xorta ta’ monopolju finalment huwa saħta. Il-monopolju jwassal għal forma ta’ dittatura. Tħares lejh minn fejn tħares lejh, u f’kull qasam. Sakemm kont qed inħejji dawn il-kelmtejn kienet għaddejja polemika bejn L-Għaqda tal-Barklori, iffurmata minn sidien ta’ dgħajjes tal-pass, għalija u naħseb li għal bosta, dgħajjes tradizzjonali li llum jagħtu dimensjoni turistika, u l-awtoritajiet konċernati. Polemika għax hemm il-liġi li timpedihom milli jġorru passiġġieri, mhux biss turisti, minn Tas-Sliema lejn Marsamxett jew viċi-versa.
L-istorja tmur lura 12-il sena meta l-kumpanija Valletta Ferry Services ingħatat konċessjoni esklussiva għal tmien snin biex permezz ta’ katamaran tħaddem servizz ta’ traġitti bejn Tas-Sliema u Marsamxett u viċi-versa. L-istess kumpanija ngħatat konċessjoni simili, imma b’differenza, biex tħaddem servizz simili bejn il-Belt Valletta u t-Tliet Ibliet, servizz li jaqsam il-Port il-Kbir. Qed ngħid konċessjoni simili imma b’differenza għax filwaqt li s-servizz ta’ Marsamxett jimpedixxi traġitti bid-dgħajjes tal-pass, mhux hekk dak tal-Port il-Kbir.
Il-barklori membri tal-għaqda li semmejt ma jistgħux jaħdmu bejn Tas-Sliema u Marsamxett. Hekk b’daqqa ta’ pinna ċċaħħdu milli jkomplu jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum u huma ristretti jagħmlu dan fil-Port il-Kbir biss. Il-kumpanija Valletta Ferry Services ingħatat monopolju minn Gvern tal-Partit Nazzjonalista.
Ġie rappurtat li l-Partit Laburista kien wiegħed lill-barklori li bih fil-Gvern la darba jagħlaq it-terminu tal-konċessjoni, allura fis-sena 2020, din l-esklussività tintemm u huma jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jaħdmu, kif wara kollox għandhom liċenzja biex jagħmlu dan. Xi ħaġa li ma seħħitx bir-raġuni li ngħatat, skont kif rappurtat, tkun li l-iskadenza ħabtet fi żmien il-pandemija Covid-19 u li ma kienux tlestew xi mollijiet. Ir-riżultat aħħari kien li l-konċessjoni ġiet estiża għal tliet snin. Għaddew it-tliet snin u kif mistenni L-Għaqda tal-Barklori marret għand l-awtoritajiet konċernati imma l-kwistjoni tagħhom tħalliet fuq l-ixkaffa.
Sakemm qed inħejji din il-kitba lill-barklori laħqet qabżitilhom iċ-ċinga u ħadu l-liġi f’idejhom u hemm minnhom li bdew jaħdmu mill-ġdid bejn Tas-Sliema u Marsamxett u viċi-versa. Fl-opinjoni tiegħi qarsa kemxejn it-theddida li saritilhom mill-awtoritajiet li jista’ jkollhom il-liċenzja sospiża u li jistgħu jittieħdu passi legali għax qed jiksru l-liġi.
Kieku l-barklori ħadu l-azzjoni li ħadu l-għada li skadiet l-konċessjoni oriġinali, dik tas-sena 2012, tifhimha. Imma l-logħob bil-bżallu issa ilu għaddej mhux ħażin. Sitwazzjoni li lili ssaħħaħli fehmti li l-monopolji huma biss saħta għall-bosta u benna għall-ftit.
Le għall-monopolji.