Saturday, December 21, 2024

Se jerġgħu jużaw il-pulptu?

Aqra wkoll

Jikteb SALVU

Proprju fl-aħħar jiem kienu diversi dawk il-parruċċani mir-Rabat Għawdex u anke postijiet oħra f’Għawdex li ħassewhom dispjaċuti b’partijiet mill-priedki li saru fit-tlett ijiem tat-tridu tal-festa ta’ Santa Marija fir-Rabat Għawdex.

Id-diżappunt ta’ dawn il-persuni kien għal fatt jekk dak li ġara jfissirx li se nmorru lura fiż-żmien biex minn fuq il-pulptu nibdew nisimgħu priedki li fihom ikun hemm dik li ħafna interpretawha bħala doża kontra l-Gvern.

“Segwejt dak li kien qed jingħad fil-priedki. Ħassejtni mort lura fiż-żmien. F’qalbi bdejt ngħid, jekk il-Knisja hux se tirritorna biex tuża l-pulptu kontra l-Gvern? Għax li tibda tisma’ li lil bniedem qtilnieh, qtilnieh b’deċiżjonijiet tagħna u nuqqas ta’ deċiżjonijiet tagħna. Qtilnieh bil-korruzzjoni, bl-apatija u bid-disrispett lejn is-sens tal-limitu’. Smajna imbagħad jekk blokka ta’ appartamenti tfakkrikx f’Alla. Smajna kif dan pajjiżna sar jissofokak. Sar ikrah. Intqal lilna li qegħdin nagħżlu l-ikrah. Intqal lilna li qegħdin ngħixu f’ereżija.

Issemma’ li qegħdin ngħixu f’soċjetà fejn kulħadd jagħmel li jrid. Ġie deskritt li l-amoralità saret in-normalità. Imbagħad ikollok l-appell biex il-poplu jistenbaħ minn nagħsa li qiegħed fiha. Is-sejħa li tħeġġu biex ikisser il-ktajjen. Jitfakkar fil-konvoj tas-sena 1942. Jiddikjara li dakinhar ħlisna minn għadu li kien jidher u llum għadu li qed f’qalbna u f’moħħna”.

B’dan f’moħħi irriflettejt. Jien ukoll ngħix f’din is-soċjetà. Jien ukoll qiegħed nara l-bini għaddej madwarna, l-istess kif qiegħed nara l-poplu tagħna jew sezzjonijiet sħaħ minnu jieħdu ċertu direzzjoni. Forsi hi faċli li titla’ fuq il-pulptu u tipponta is-swaba lejn is-soċjetà jew lejn il-gvern.
Meta smajt ċerti dikjarazzjonijiet l-ewwel ħsibijiet li għaddew kien jekk il-Knisja hijiex se terġa’ tressaq l-arloġġ lura. Se nerġgħu mmorru għal passat fejn nafu li fil-passat b’affarijiet simili il-knisja batiet ħafna għal snin sħaħ u l-effett għadu jidher sa llum.

Meta nħares madwari, ngħid għaliex qegħdin ngħixu f’din is-soċjetà llum? Dan mhux sintomu ta’ l-aħħar snin. Nemmen li hu sintomu li ilu ġej bil-mod il-mod. Għandek l-influwenzi minn barra pajjiżna. Għandek ir-reklamar għaddej biex il-poplu jgħix ħajtu kif irid. Għandek it-teknoloġija li tibbumbardjak b’messaġġi simili.

Ma’ dan imbagħad għandek il-mod kif l-istess poplu u l-istess soċjetà tilfu l-fiduċja fil-Knisja. Tilfu l-fiduċja għax il-Knisja baqgħet ma iġġeddidtx għaż-żminijiet ta’ llum. Il-Knisja mhux biss ma ġġeddidtx imma meta tħares lejha jew lejn dak li tagħmel, tara li hemm differenzi ma’ dak li tippriedka. In-nies dan jinnutawh.

Nistqarr li kull darba li l-Knisja Maltija tintrabat mal-karru politiku partiġġjan hija dejjem il-Knisja Maltija li titlef il-kredibbilità minn niesha stess u minn dawk li jħarsu lejha minn barra. Il-periklu mmedjat huwa li meta n-nies jitilfu l-fiduċja fil-messaġġier jitilfu l-fiduċja wkoll fil-messaġġ li suppost iwassal.

Nistqarr li ma neħodhiex bi kbira li se jerġa’ jkun hemm min jipprova jimbotta lill-Knisja jew elementi fi ħdanha biex tuża l-pulptu. Iż-żmien inbidel u minn establishment b’saħħtu u potenti snin ilu, illum nemmen li l-Knisja saret l-establishment moħbi. X’irrid ngħid b’dan? Establishment moħbi li jiġbed l-ispag u xi minn daqqiet jitfa’ l-ġebla mingħajr ma tkun taf min hu. Kontra din l-imġieba llum għandna il-poplu li sar jaħseb iżjed u jinduna min hu ġenwin u awtentiku. Iż-żmien tal-maskri għadu, imma sar iktar faċli li tinduna!

Għaliex qiegħed ngħid dan? Qed ngħid dan għax inti tagħraf dak li jkun mill-għemil tiegħu. Għax ejja ngħiduha kif inhi għaliex għandek tmur fuq il-pulptu meta għandek il-media tiegħek. U hawn tqum mistoqsija oħra. Il-midja tiegħek, kif taġixxi, u dak li jidher fiha hu koerenti mal-pożizzjoni u t-tagħlim tal-Knisja?

Illum m’hemm ebda dubju ta’ fejn ixxaqleb il-midja tal-Knisja. Mur staqsi lil min trid u r-risposta tkun ċara. Dan minkejja l-fatt li l-istess midja tistqarr li hi ġusta u trasparenti. Tinduna b’mod partikolari meta tkun riesqa xi elezzjoni, li r-rappurtaġġi fl-opinjoni tiegħi la tista’ tgħidilhom ġusti u lanqas trasparenti.

U meta nisma’ diskors minn pulptu li jibda jattakka dak li qed jiġri madwarna, niftakar f’dak li qiegħed jiġri fil-Kurja Maltija li jien midħla tagħha. Din hi sitwazzjoni fejn persuni partiġġjani infiltraw sezzjonijiet sħaħ tal-Kurja. Fl-opinjoni tiegħi kien hemm min imbotta biex il-Knisja f’Malta tieħu l-parti tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista u dan minħabba l-fatt li llum il-Partit Nazzjonalista hu dgħajjef u maqsum fih innifsu f’diversi biċċiet.

Ma ninsewx li quddiem dawn il-manuvri l-Arċisqof kellu joħroġ stqarrija pubblika li l-Knisja mhix l-Oppożizzjoni tal-Gvern!

Dakinhar l-Arċisqof kien qal li kien qed jirrifletti ħafna dwar il-kritika li ssirlu li jibqa’ sieket fuq kwistjonijiet politiċi kontroversjali. Ġie rappurtat jgħid li parti minn tali akkużi ġejjin minn nies li jistennewh li jagħmel ix-xogħol tal-Oppożizzjoni. U hu dan ma jogħġbux. “Il-Knisja mhix, u m’għandhiex issir il-partit tal-Oppożizzjoni.” L-Arċisqof qal li sadattant l-Oppożizzjoni hija nieqsa mill-effettività u għandha tagħmel iżjed.

U meta ninsabu sentejn u nofs bogħod mill-elezzjoni ġenerali, jien nemmen li għad nesperjenzaw żieda f’dawn il-priedki mill-pulptu. Għax anke fl-aħħar elezzjoni rajna movimenti bħal meta ħadu lil Metsola biex tkellem lis-saċerdoti anzjani u morda fid-Dar tal-Kleru li vvutaw. Stiednu għall-Aġġornament tal-Kleru lil tnejn minn nies li fl-istess ġimgħa ħarġu pubblikament iħeġġu lin-nies kemm permezz tan-Net TV u l-media, biex jivvutaw lill-kandidati Nazzjonalisti bħala vot apposta kontra l-Gvern Laburista.

Fil-priedka tal-Assunta f’Għawdex smajna hekk: “Fejn hu l-bniedem? Il-mewt tal-bniedem. Il-bniedem qtilnieh. Għax forsi għalina li ngħixu fis-seklu 21 il-mistoqsija urġenti mhix fejn hu Alla imma la lil Alla qtlinieh il-mistoqija hi fejn hu l-bniedem? Fejn hu l-bniedem u r-risposta tagħna hi ma nafux. Ma nafux min hu l-bniedem. Insejna.

Il-ħin kollu nitkellmu minn bniedem, minn soċjetà u politika li tqis lill-bniedem fin-nofs, fiċ-ċentru, u meta tistaqsina l-bniedem min hu ma nafux, insejna. Il-bniedem hu biss slogan. Lill-bniedem qtilnieh aħna stess bid-deċiżjoni tagħna jew bin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet tagħna. Bl-apatija, korruzzjoni kilba, bl-egoiżmu, bid-disrispett lejn is-sens tal-limitu. Kollha kemm aħna omiċidji b’xi mod u kollha injoranti fl-umanità flok esperti. Għandna bżonn nerġgħu nitgħallmu min hu l-bniedem.”

F’parti oħra smajna li “tlifna is-sens tas-sabiħ. Maħkuma mil-logika tal-malajr, tat-tgħawwiġ tal-kantunieri. Kollox sar ikkalkulat. Kollox sar prodott. Kollox ikalkulat. Prodott li nipproduċu u nikkontrollaw. Is-sabiħ tagħmlu mhux biex tiggwadanja, imma frott l-ġenerożità. Tlifna l-estetika tal-azzjonijiet umani ta’ dak li nikkrejaw. Kerraħna mhux biss dak li nagħmlu imma dak li kien madwarna u li jfakkarna f’Alla, is-subħja naturali. Fjura, għasfur, siġra, nixxiegħa, ifakkruk f’Alla. Ara blokk flats u ara jfakkrekx f’Alla. Ifakkrek fil-bniedem li għamel lilu nnifsu flok Alla.

Kerraħna lill-pajjiżna. Pajjiżna sar jissofokak. Pajjiżna sar ikrah. Mhux għax ma nafux x’inhu s-sabiħ, imma għax qed nagħżlu l-ikrah. Meta titlef l-estetika jikbru l-bwiet, imma tiftaqar l-umanità. Fridna l-materja, dak li nikkontrollaw aħna mis-sbubija u fadal biss il-materjaliżmu. Din hi l-erezija tagħna ta’ llum u dan qed inġibuh b’idejna. Dan jarrikkixxi fil-mument u jfaqqar il-ġejjieni.”

Parti oħra mill-priedtka tenfasizza li “fejn marret il-lealtà u fedeltà fl-imħabba? Fejn marret ir-rettitudni finanzjajrja u iva mhux kulħadd jevadi it-taxxi? Fejn marret id-distinzjoni bejn tajjeb u ħażin u iva mhux kulħadd jgħawweġ u jagħlaq għajn jew tnejn. Fejn mar is-sens ta’ altruwiżmu u iva mhux kulħadd lejh jiġbed. Aħna fil-kultura tagħna tlifna id-distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin. It-tajjeb warrabnieh u l-ħażin bdejna ngħidulu tajjeb. Bdejna ngħidulu moda, progress, it-triq ‘l quddiem.”

Jissokta jgħid li “Il-bniedem dejjem kien immorali u jiżbalja. Sirna morali u tlifna is-sens tat-tajjeb u l-ħażin. Tlifna is-sens tal-ġid komuni, aħna importanti aktar mill-jien. Daħlet il-kultura ta’ u iva mhux kulħadd hekk jagħmel. Anzi jekk ma tagħmilx hekk ma timxix ‘l qudddiem. Qegħdin ngħixu amoralità li saret in-normali.”

Ikompli jgħid li “stenbaħ minn nagħsa poplu u induna li inti imsejjaħ biex tkun poplu ħieles. Kisser il-ktajjen li qed ijassruk. Ftakar fil-festa ta’ 1942, il-konvoj u l-ħelsien mill-għadu. Dak inhar ħlisna minn għadu li jidher u llum neħilsu minn għadu li ma jidhirx li qed f’qalbna u f’moħħna u fis-soċjetà ta’ madwarna.”

Fil-priedka nisimgħu ukoll li “fejn inti sejjer ja bniedem? Fejn tabilħaqq sejrin? Inti maħluq għal Alla maħluq għall-infinit, għal destin li hu akbar minnek. Inti maħluq għas-sema u għal Alla u qalbna ma tistrieħx jekk mhux f’Alla. Imma dan hu tabilħaqq minnu? Mexjin aħna lejn x’imkien. Mexjin jew weqfin? Mexjin x’imkien jew bla boxxla?

Mexjin x’imkien jew induru fi ċrieki? Jekk mexjin allura ifraħ ja poplu għax allura l-poplu tal-Assunta. Jekk mhux mexjin, din mhix festa imma kritika. Mhux glorja imma tbeżbiża. Tikxef is-separazzjoni bejn li hemm fina u dak li qegħdin ngħixu. Il-qasma bejn id-direzzjoni u l-attwazzjoni. Il-bniedem maħluq għall-imħabba.

Il-bniedem mhux maħluq biex iġib gwerra u qerda. Il-bniedem mhux maħluq biex jiddiskrimina abbażi ta’ razza kulur, ġeneru, orjentazzjoni sesswali. Aħna kollha maħluqin għall-ħajja sħiħa, irrelevanti l-kulur tal-ġilda, razza u l-orjentazzjoni sesswali. Il-bniedem mhux maħluq biex jagħmel lilu nnifsu Alla, dak għamluh ir-reġimi totalitarji. Ir-riħa tal-gwerra u t-tragedja tal-gwerra għadha għaddejja. L-Ukrajna u l-Palestina. Il-mibegħda ma waqfitx.

Ħarsu lejn il-piki ta’ bejnietna. Totalitarjaniżmu. Għandna totalitrjaniżmu ta’ persuni li jaħsbu li għandhom jedd li jistgħu jaħkmu fuq kollox u fuq kulħadd. Il-kampijiet ta’ konċentrament ingħalqu imma l-mibegħda razzjali ma waqfitx. Ħarsu lejn il-piki ta’ bejnietna. M’għadx għandna it-totalitarjaniżmu, almenu fl-oċċident imma għandna it-totalitarjaniżmu tal-indivdiwi fejn għandna nies li jaħsbu li għandhom jedd li jistgħu jaħkmu fuq kollox u fuq kulħadd. Kampijiet ta’ konċentrament ingħalqu imma l-mibegħda razzjali ma waqfitx. Imxiet fl-ibliet u t-toroq. L-isfruttament ma waqafx.

Illum flok piġama u stilla, in-nies sfruttati iġibulna l-ikel u jeħduna l-hawn u l-hinn u x’ħin kellna bżonn ġibnihom u issa għax għandna ħafna irridu nkeċċuhom. Imma ninsew li dawn huma bnedemin tad-demm u l-laħam u qed nitkellmu fuq ħajjiet ta’ bnedemin. Id-disprezz tad-drittijiet ta’ individwi ma waqafx. Kulħadd hu l-istess f’pajjiżna iva jew le. Il-qtiegħ il-qalb, nuqqas ta’ tama fuq il-futur, id-dwejjaq ma waqfux. Għalfejn il-ħafna suwiċidji f’pajjiżna?

Għalfejn ħafna zgħażagħ iridu jitilqu? Għalfejn aħna pajjiż imdejjaq? Din hi l-kultura tal-mewt li qed ngħixu f’pajjiżna. Forsi mad-daqqa’ t’għajn kollox jidher sabiħ u jlellex, karozzi sbieħ djar sbieħ, ħwejjeġ sbieħ, ritratti sbieħ, imma fil-verità aħna nies imdejqa, irrabjati u mimliin mibegħda u mal-ewwel intopp nisplodu.”

Ikompli jgħid li “aħna nies mejta. Staqsu ftit x’noħolmu. X’joħolmu iż-żgħażagħ tagħna? U jħarsu lejn il-futur. jaraw li jridu jaħdmu ħajjithom kollha biex iaħllsu s-self. X’joħolmu dawk li ma jafux kif se jwasslu sa l-aħħar tax-xahar minħabba l-għoli tal-ħajja. Qed ngħixu f’soċjetà li ftit ftit qed toqtlilna il-kapaċità u x-xewqa li noħolmu. Soċjetà mejta li tagħmilna mejtin. Din hi ereżija oħra ta’ żmienna. Din hi l-kultura tal-mewt l-assenza tal-ħolm.”

Inħallikom tixtarru dak li ingħad fil-priedtki u m’għandix dubju li se tisimgħu aktar fix-xhur li ġejjin. Aħsbu fuqu. Iżnu dak li tisimgħu. Irriflettu. Araw min ikun qiegħed jgħid dak id-diskors. Lil min jirrappreżenta. Fuq kollox araw xi tridu soċjetà li tmur lura fi żmien jew soċjetà li miexja ‘l quddiem, fejn iva irridu nammettu li din fiha l-isfidi tagħha ukoll.

Ekonomija

Sport