Sunday, December 22, 2024

Se jibda jitħallas l-ewwel pagament taċ-Children’s Allowance biż-żieda l-ġdida ta’ €250 fis-sena għat-tfal

Aqra wkoll


Fi tmiem din il-ġimgħa ser ikun qed jitħallas l-ewwel pagament biż-żieda l-ġdida fiċ-children’s allowance illi jiġbor fih l-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Dan il-pagament fih iż-żieda ta’ €250 fis-sena għal kull wild, u din il-miżura se tolqot b’mod tajjeb aktar minn 41,285 familja u 62,000 tifel u tifla.

Bejnithom dawn il-familji ser igawdu minn sostenn ta’ €14.3 miljun. Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon fejn tkellem dwar ir-rieda u l-impenn ta’ dan il-Gvern illi jkompli jtejjeb u jsaħħaħ il-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Il-Ministru Michael Falzon mhux biss fakkar fl-introduzzjoni tal-miżura taċ-children’s allowance ħamsin sena ilu, iżda qal li dan il-Gvern kompla jemmen f’din l-għotja u saħħaha bħala parti mill-garanzija għat-tfal.

Dan b’kuntrast m’amministrazzjonijiet oħra li mhux dejjem taw dan il-benefiċċju lill-familji kollha bit-tfal. Il-Ministru Michael Falzon żied jgħid li mis-sena d-dieħla, familji li d-dħul tagħhom ma jaqbiżx €26,590, ser idaħħlu miċ-children’s allowance sa massimu ta’ €1,750 għal kull wild filwaqt li familja bi dħul li jaqbeż dan il- limitu l-ħlas ser jitla’ għal €930 għal kull wild.

Intant il-Ministru Michael Falzon stqarr illi fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu wkoll 2,158 pagament għal Allowance għal Tfal b’Diżabiltà b’investimnet ta’ kważi €1 miljun u 19,645 pagament tal-Għajnuna Supplimentari li l-investiment fiha jlaħħaq l-€4 miljun.

“Dan ifisser li sa tmiem din il-ġimgħa €19.2 miljun oħra se jmorru fil-bwiet tal-familji bit-tfal u persuni vulnerabbli. Fl-istess waqt fil-ġimgħa li għaddiet investejna mal-€34 miljun bil-Beneficcju Addizzjonali għall- Għoli tal-Ħajja. Quddiem dan l-impenn kollu, aħna ser nibqgħu umli, viċin iż-żgħir u mal-familji sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport