Il-Port Ħieles għadu kemm iffirma ftehim importanti mal-Gvern biex iwettaq l-ewwel espansjoni tat-terminal f’20 sena, li se tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-faċilità bħala ċentru ewlieni tat-trażbord u fl-istess ħin toħloq benefiċċji għall-ekonomija u l-ambjent lokali.
Il-proġett se jestendi l-moll tat-Tramuntana f’Terminal Two tal-Port Ħieles b’176 metru u dak tal-Punent b’195 metru, biex b’hekk jiżgura li l-faċilità tkun tiflaħ għall-vapuri tal-kontejners ġodda u futuri li jaħdmu bl-LNG, li t-tul tagħhom illum diġà jaqbeż erba’ grawnds tal-futbol u jġorru 23,000 TEU.
Malli jitlesta l-proġett, il-Port Ħieles se jċedi d-dritt li jinstalla krejnijiet fuq il-moll tal-Punent f’Terminal One, li bħalissa hu l-aktar żona tal-faċilità li tidher mix-xatt ta’ Birżebbuġa, u għaldaqstant din se tkun kisba kbira għar-residenti.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Port Ħieles Alex Montebello.
Montebello sostna li “bl-estensjoni ta’ Terminal Two, kulħadd se jmur minn fuq: il-faċilità tagħna, li se tkun kapaċi tlaħħaq mal-akbar vapuri tal-kontejners fid-dinja b’effiċjenza massima; ir-residenti ta’ Birżebbuġa; kif ukoll l-importaturi u l-esportaturi lokali, li se jibbenefikaw minn aktar servizzi minn qatt qabel.
“Il-proġett se jiġġenera wkoll ‘il fuq minn 160 impjieg ġdid u, ladarba jseħħ, l-investiment fil-faċilità minn mindu ġiet privatizzata se jisboq l-€400 miljun. B’hekk il-Freeport se jkun wieħed mill-akbar investituri fl-istorja ta’ Malta.”
Il-Freeport diġà wettaq programm ta’ investiment strateġiku ta’ €320 miljun f’makkinarju u apparat tal-ogħla livell tekniku.
Fost l-akkwisti riċenti hemm żewġ krejnijiet ta’ fuq il-moll giant megamax – l-aktar avvanzati teknoloġikament u ekoloġiċi li jeżistu fis-suq tal-krejnijiet addattati għall-vapuri tal-kontejners – kif ukoll l-aħħar sistemi tal-IT li jippermettu l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-operat b’effiċjenza massima.
Illum il-ġurnata l-Freeport joffri konnessjonojiet ma’ 120 port madwar id-dinja – fosthom aktar minn 50 li jinsabu fil-Mediterran – f’diversi arterji prinċipali li fuqhom joperaw il-linji ewlenin tat-tbaħħir. Dan l-aħħar il-Freeport issemma wkoll fil-pubblikazzjoni prestiġjuża fil-qasam tat-tbaħħir Lloyds List, fejn tpoġġa fost l-aqwa 10 portijiet fid-dinja f’termini ta’ persentaġġ ta’ tkabbir.
Il-faċilità tal-Port Ħieles, li minnha jgħaddu kważi tliet miljun TEU fis-sena, tipprovdi impjieg dirett lil aktar minn 1,500 persuna u tikkontribwixxi €170 miljun fl-ekonomija ta’ Malta.