Sunday, December 22, 2024

Se jiġi estiż l-obbligu tal-assigurazzjoni anke fuq siti magħrufa bħala stand-alone

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, waqt li kien qed jindirizza lill-midja, ippreżenta numru t’emendi leġiżlattivi li jitrattaw varji Avviżi Legali relatati mal-Att dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Dawn l-emendi se jkomplu jgħollu l-istandards u jistabbilixxu responsabbilità ċara u dan fl-interess ta’ terzi u l-ħaddiema li jkunu qed jaħdmu fuq is-sit.

“Dawn l-interventi leġiżlattivi, jsegwu diversi interventi oħrajn li saru fl-aħħar snin u jippreċedu oħrajn li fi żmien li ġej se jkunu qegħdin jiġu implimentati biex bħala gvern inkomplu ngħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni, niċċaraw aktar ir-responsabilità u nipprovdu serħan il-moħħ lil kull min jista’ jiġi affetwat”, qal il-Ministru Attard.

Permezz ta’ dawn l-emendi, siti li l-ebda parti tagħhom ma tmiss u taffettwa proprjetajiet terzi (stand-alone) mhux biss iridu jaderixxu ruħhom ma’ ċertu kundizzjonijiet provduti mil-liġi fejn jidħlu ħinijiet, hoarding, trab eċċessiv, storbju, indafa tal-viċinanzi, bankini, toroq u site notice fost oħrajn, iżda se jkunu obbligati jkollhom assigurazzjoni.

Dan se jkun ifisser li li Clearance/Acceptance notice ma toħroġx mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni jekk ma jkunx hemm assigurazzjoni fis-seħħ u d-dokumentazzjoni tagħha sottomessa għand l-awtorità u li f’każ ta’ ksur tal-kundizzjonijiet provduti fil-liġi, l-istess awtorità se tkun tista’ tintervjeni billi twaqqaf ix-xogħol u timponi sanzjoni. 

Bl-emendi gradwali li qed jiġu imlpimentati fil-liġijiet, l-Awtorità qed tkompli tassumi rwol akbar, inkluż fejn jidħol żvilupp ta’ siti stand-alone.

“B’dan it-tibdil fil-liġi estendejna l-obbligu tal-assigurazzjoni anke fuq siti magħrufa bħala stand-alone, biex nipprovdu serħan il-moħħ lil kull terza persuna li tista’ ssofri danni. Fl-istess waqt saħħaħna l-obbligu li jkun hemm Employers Liability Insurance, b’tali mod li dawk l-employers li lmentaw li mhux isibu servizz t’assigurazzjoni, jassumu responsabbilità ċara fil-liġi, inkluż meta joperaw b’kumpanija”, qal il-Ministru Attard.

F’każijiet fejn min għandu liċenzja u jħaddem mhux se jkollu polza t’assigurazzjoni li tkopri lill-impjegat, il-persuna jew l-kumpanija flimkien mad-diretturi u dawk in-nies li jmexxu l-istess kumpanija se jinżammu responsabbli ċivilment għal kwalunkwe danni jew ħsara li ssofri terza persuna jew impjegat li taħdem mal-istess persuna jew kumpanija. Dan se jwassal għal aktar standards fis-settur u fuq kollox għal rimedju aktar effettiv u effiċjenti għal ħaddiema u l-qraba tagħhom f’każ ta’ korriment jew mewt. 

Ekonomija

Sport