L-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali (LESA) għadha kemm temmet il-proċess tal-għażla sabiex jiġu ingaġġati 21 uffiċjal ġdid, liema reklutaġġ huwa ppjanat li jibda fil-bidu ta’ Jannar 2023. B’żieda ma’ dan, se tkun qed toħroġ sejħa oħra fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiġu ingaġġati uffiċjali oħrajn fis-sezzjoni tal-immaniġġjar tat-traffiku.
Kien il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri li qal dan fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg. Il-Ministru Camilleri spjega li l-irwol tal-aġenzija LESA u l-uffiċjali tal-komunità huwa vast u biċ-ċentru tal-attenzjoni jkun is-servizz lill-komunità.
Dan jinkludi l-assistenza madwar diversi skejjel waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskejjel, immaniġġar tat-traffiku f’diversi toroq arterjali bħala parti mill-pjan nazzjonali, immaniġġar tat-traffiku u għeluq ta’ toroq marbuta ma’ xogħlijiet u permessi tal-Kunsilli Lokali u oħrajn, skorti matul trasport ta’ oġġetti kbar (skorti), rappurtaġġ u assistenza liċ-ċittadin waqt kollużjonijiet ta’ vetturi, infurzar ta’ regolament marbuta mat-traffiku u l-ambjent permezz ta’ preżenza fiżika tal-uffiċjali tal-komunità u moniteraġġ ta’ kameras madwar il-pajjiż marbuta ma’ rimi ta’ skart b’mod abbużiv, u regolamenti tat-traffiku.