Nhar il-Ġimgħa li ġej jingħata bidu għall-kampjonati nazzjonali tad-darts organizzati mill-Malta Darts Association.
Wara li din l-assoċjazzjoni organizzat b’suċċess il-kampjonat tas-sajf mirbuħ minn Qormi Hockey Club A, l-attenzjoni tad-dilettanti tad-darts iddur lejn il-kampjonat li jerġa’ jirritorna wara li fl-istaġun li għadda kien nieqes minħabba diversi restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19.
B’kollox se jieħdu sehem 25 tim maqsuma fi tliet diviżjonijiet li jilagħbu żewġ rawnds kull wieħed.
L-ewwel diviżjoni magħmul minn tmien timijiet u dawn huma Floriana Ajax A u B, Sliema Inter DC, PO’s Bar, Ħamrun Education Men, Conquest Bar, Qormi Hockey Club A u Ħamrun Bayern A.
Fit-tieni diviżjoni nsibu tmien timijiet oħra u dawn huma Munchies, Qormi Hockey Club B, Fgura Darts A, Top Gun Marsa, Whyte Harte, Żurrieq Darts Team, B’Buġa St Peters u Ħamrun Bayern B.
Sadanittant disa’ timijiet jiffurmaw it-tielet diviżjoni u dawn huma Fgura Darts A, Mqabba tal-Ġilju, Cox Bar, Belands Bull’s Eye, Soċjeta’ Filarmonika San Pietru, St Paul’s Diamonds, Mqabba FC, Qormi Hornets u Ħamrun Education Ladies.
Il-logħob se jintlagħab kull nhar ta’ Ġimgħa fuq bażi ta’ home u away.