Thursday, December 19, 2024

Se jingħataw lura lin-nies art fiż-Żonqor u fil-Kottonera li kienu se jiġu żviluppati mill-AUM

Aqra wkoll

Il-Gvern se jagħti lura lin-nies art fiż-Żonqor u spazju bejn Bormla u l-Isla li kienu se jiġu żviluppati mill-Università Amerikana ta’ Malta.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt il-programm XTRA li ġie mxandar it-Tnejn filgħaxija.

Dr Abela qal: “L-Università Amerikana f’Malta, nifhem li huwa suġġet li qajjem dibattitu fil-passat. L-iżvilupp qiegħed ġo Bormla, l-iżvilupp kif inhu miftiehem fil-kuntratti. Għandek l-Università ġewwa Bormla u mbagħad kelna dak l-iżvilupp tad-dormitorji li kellu jseħħ fil-parti ta’ Bormla qabel inti taqbad it-triq lejn il-bieb tal-Isla. Imbagħad l-iktar parti kontroversjali kienet dik taż-Żonqor fejn kellek l-iżvilupp li kien se jsir f’ODŻ u mbagħad ukoll kellek iż-żona ta’ fejn bħalissa hemm dak li jintuża bħala parkeġġ u dik li kienet qabel il-pixxina. Hemmhekk huwa kollu bil-kuntratt żvilupp għall-AUM. X’għamilna? F’dawn l-aħħar xhur inkarigajt numru ta’ nies tekniċi biex ipoġġu bilqiegħda u naraw kif din il-konċessjoni, filwaqt li naraw li dan il-proġett jirnexxi, nirridimenzjonawha fil-prijorità ġdida li għandu dan il-gvern – il-prijorità ambjentali.”

Tkellem dwar l-arranġament għalih li qed jiġi konkluż u li se jkun qed jitla għall-approvazzjoni tal-Kabinett u eventwalment quddiem il-Parlament ukoll.

Dr Abela qal: “L-Università kif inhi mibnija f’Bormla dik naturalment tibqa’ hemmhekk, iżda rnexxilena nilliberaw dik iż-żona sħiħa li kienet se tintuża bħala dormitorju. Dik se nagħtuha lura lin-nies ta’ Bormla u tal-Kottonera kollha. Irnexxielna naslu wkoll fuq Wied il-Għajn fejn irnexxielna nilliberaw ż-żona kollha minn żvilupp, jiġifier dik iż-żona fuq ODŻ kif ukoll ż-żona li tinsab fejn il-pixxina u l-parkeġġ, dik l-Università Amerikata se tagħtiha lura lill-Gvern  biex aħna nkunu nistgħu nagħtuha lura lin-nies.”

Żied jgħid: “Tgħidli dan il-proġett se jfalli. Le u hemm jidħol l-għaqal tal-mod kif ħdimna. L-Università, kemm l-espansjoni tagħha mil-lat edukattiv kif ukoll fejn huma d-dormitorji, se jiġu rilokati f’sit li diġà huwa kommess għall-iżvilupp, u allura qed nitkellmu dwar Smart City, fejn se jkollna l-ITS, se jkollna dan l-iżvilupp il-ġdid ta’ Smart City u bażikament ikollna żona li tkun mogħtija għal żvilupp edukattiv.”

Ekonomija

Sport