Saturday, December 21, 2024

Se jitħallas l-aħħar pagament taċ-Children’s Allowance għal din is-sena

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa filgħodu, tħabbar illi ser jissuktaw il-pagamenti relatati maċ-Children’s Allowance. Għal darba oħra dawn ser jitħallsu tliet ġimgħat qabel bħas-soltu biex il-familji jkunu megħjuna qabel tibda l-iskola. Id-data propja tal-pagament suppost hija l-5 t’Ottubru, iżda se jitħallsu fl-14 ta’ Settembru. Il-perjodu jkopri minn Ottubru sa Diċembru 2024.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, spjega kif 62,000 familja bejniethom se jkunu ħadu €80 miljun matul din is-sena li tfisser żieda ta’ €13-il miljun fuq l-2023. Dawn il-figuri jinkludu d-Disability Child Allowance u l-Foster Care Allowance. Dan filwaqt li jeskludi ċ-Child-Birth Bonus, l-In-work Benefit, il-Carer’s Grant u l-għajnuna addizzjonali għall-għoli tal-ħajja.

“Il-pagament taċ-Children’s Allowance huwa biss wieħed minn sensiela ta’ miżuri soċjali mmirati sabiex jilħqu kull individwu u familja. Bħala Gvern, ħabrikna biex ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura, mingħajr ma tfajna piżijiet fuq il-familji u n-negozji. Sfruttajna l-ġid li nħoloq biex nagħtu ħajja aqwa lil dawk fil-faxxa t’isfel tas-soċjetà, lill-anzjani, il-pensjonanti u l-familji,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù, fejn spjega kif matul is-sena 2021 żdied l-intitolament għall-familji kollha bit-tfal taħt is-16-il sena. F’dan is-sens ingħatat żieda ta’ €70 għal kull wild lill-familji li d-dħul tagħhom jaqa’ taħt it-threshold tal-means test u żieda ta’ €50 għal kull wild lill-familji li d-dħul tagħhom jeċċedi t-threshold tal-means test.

Hekk kif imħabbar fil-manifest elettorali tal-leġiżlatura l-ġdida, fejn ġie mwiegħed illi ċ-Children’s Allowance ser tiżdied b’€450 tul il-leġiżlatura, matul is-sena 2023 iż-żieda laħħqet id-€90 għal kull wild lill-familji kollha. Bi tkomplija mal-wegħda elettorali tal-Gvern, matul is-sena 2024 ingħatat żieda ta’ €250 għal kull wild lill-familji kollha. Għalhekk, iż-żieda li wiegħed il-Gvern tul il-leġiżlatura diġà laħħqet it-€340 għal kull wild lill-familji kollha u li din tfisser illi 75% tal-wegħda elettorali diġà ġiet imwettqa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal illi fl-14 ta’ Settembru se jkun qed jitħallas ukoll l-Allowance Supplimentari, għall-perjodu ta’ Ottubru sa Diċembru 2024. Din l-allowance titħallas lil dawk il-familji li d-dħul tagħhom ma jkunx jeċċedi ċertu threshold u dan sabiex nibqgħu nsostnu l-familji finanzjarjament.

“Minkejja li titħallas din l-allowance, il-Gvern xorta ddeċieda li jintervjeni u introduċa l-Benefiċċju Addizzjonali għall-għoli tal-ħajja matul is-sena 2023 u saħħu għas-sena 2024, fejn b’kollox dan il-benefiċċju rċevewh aktar minn 99,000 familja. Dan sabiex il-Gvern jibqa’ jassigura dħul b’saħħtu lill-familji u fl-istess ħin tiġi pprattikata l-ġustizzja soċjali. Matul is-sena 2022 ġew imħabbra żidiet ta’ bejn €3.47 u €6.50 fil-ġimgħa għall-koppji, u ta’ bejn €4.10 u €5.00 fil-ġimgħa għall-persuni waħidhom fis-sena li jikkwalifikaw għall-Għajnuna Supplimentari,” temm jgħid il-Ministru Falzon.

Ekonomija

Sport